Ara L-Bidliet Li Se Jidħlu Fis-Seħħ Mill-1 Ta’ Lulju Fuq Xiri Onlajn

 Ara L-Bidliet Li Se Jidħlu Fis-Seħħ Mill-1 Ta’ Lulju Fuq Xiri Onlajn

Hekk kif mill-1 ta’ Lulju 2021 se jidħlu fis-seħħ numru t’emendi tad-direttiva tal-Unjoni Ewropea 2006/112/EC fuq ir-regolamenti tad-Dwana u VAT għan-negozju fuq il-kummerċ elettroniku minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, il-Malta Post tgħarraf lil pubbliku dwar dawn il-bidliet.

Se titneħħa l-eżenzjoni tal-VAT fuq pakketti żgħar impurtati fl-Unjoni Ewropea b’valur t’inqas minn €22. Se jkun hemm ukoll kontroll mid-Dwana ta’ Malta u ħlas tal-VAT fuq il-prodotti kollha li jinxtraw minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, anki fuq dawk b’valur t’inqas minn €22, li preżentament huma eżentati minn dan il-ħlas. 

Mill-ġurnata tal-1 ta’ Lulju 2021, se jkun hemm VAT li ser titħallas lill-bejjiegħ onlajn waqt ic-check-out fuq pakketti li ma jaqbżux il-valur ta’ €150, jiġifieri fuq il-pakkett li qegħdin taħt il-livell limitu ta’ €150 għal ħlas ta’ dazju skont ir-regoli tad-Dwana, dejjem jekk il-bejjiegħ huwa rreġistrat fis-sistema IMPORT ONE STOP SHOP. Il-Kummisjoni Ewropea se tintroduċi sistema biex tħaffef dan il-proċessi tad-Dwana. Ladarba l-informazzjoni fuq d-dikjarazzjoni tad-Dwana u l-VAT hija korretta, l-VAT tkun tħallset mal-bejgħ tal-prodott u m’hemmx oġġezzjonijiet mid-Dwana, il-pakkett jitqassam fl-indirizz tal-klijient mingħajr ħlasijiet addizzjonali.

Din il-bidla se twassal għal żieda kbira fin-numru ta’ sottomissjonijiet ta’ dikjarazzjonijiet għad-Dwana. MaltaPost tistqarr li ppreparat għal din il-bidla billi investiet f’sistema elettronika ġdida sabiex tħaffef il-proċessi tad-Dwana u tgħaġġel ir-rilaxx tal-pakketti. L-aktar għażla konvenjenti għall-konsumaturi hija li jagħżlu bejjiegħa minn barra l-Unjoni Ewropea li jiġbru l-VAT mal-bejgħ tal-prodott u wieħed jista’ isib din l-informazzjoni min fuq is-sit tal-bejjiegħ.

Jekk il-bejjiegħ onlajn ma jiġborx VAT mal-bejgħ tal-prodott, u l-pakkett ma jkunx ikklirjat mid-dazju u VAT fil-pajjiżi tranżiti fl-Unjoni Ewropea, l-pakkett irid jgħaddi mis-sistema tad-Dwana ta’ Malta. Jekk il-pakkett jiġi kklirjat mid-Dwana, l-konsumatur jirċievi komunikazzjoni mingħand il-MaltaPost biex iħallas il-VAT, dazju u l-ħlas tal-ipproċċessar onlajn. Wara l-ħlas, l-oġġett jiġi mqassam lill-konsumatur. 

Wieħed jista’ jżur is-siti www.maltapost.com/customs u https://customs.gov.mt/other-pages/notice-board/2021/03/25/the-vat-e-commerce-package-and-the-changes-taking-place-as-from-1st-july-2021 għal iktar informazzjoni.

Ritratt: Europost

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com