Arrestat L-Allegat Aggressur Fil-Qtil Taż-Żagħżugħ Ta’ 23 Sena
Wara li tard ilbieraħ filgħaxija żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Ghana nqatel kiesaħ u biered bi tliet daqqiet ta’ sikkina f’sidru fil-Marsa, is-suspettat ewlieni ta’ dan il-qtil, raġel ta’ 25 sena mill-Ghana wkoll ġie arrestat ftit wara d-delitt fil-Marsa stess wara li ġie identifikat mill-pulizija.
Il-qtil seħħ għall-ħabta tal-10.00 p.m. fi Triq il-Ġerrejja meta nqala’ argument bejn żewġt irġiel, b’wieħed minnhom jitħalla mixħut għal tulu fuq il-bankina wara li qala’ tliet daqqiet ta’ sikkina.
Il-Pulizija qalet li l-vittma nstab f’għadira demm, mixħut wiċċu ‘l fuq u mitluf minn sensih. Iż-żagħżugħ miet ftit wara.
Mill-ewwel bdiet tfittxija għall-allegat aggressur u għall-ħabta tas-1.30 a.m. il-Pulizija sabu l-aggressur u ċċirkondaw id-dar fejn kien qed jgħix fi Triq Azzopardi fil-Marsa stess. Hawnhekk il-Pulizija daħlu ġewwa u raw lill-allegat aggressur jipprova jaħrab għal fuq il-bejt. Kien hawn li ġrew warajh u arrestawh.
Ftit tal-ħin wara, il-Pulizija sabet ukoll l-arma li ntużat fid-delitt, qalb xi siġar fi Triq il-Jum.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella li ħatret bosta esperti biex jgħinuha fl-inkjesta.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.