Berġa Tas-Saħħa Ġdida F’Marsaxlokk

 Berġa Tas-Saħħa Ġdida F’Marsaxlokk

Illum ġiet inawgurata berġa tas-saħħa ġdida f’Marsaxlokk sabiex minn nhar it-Tnejn, din tkun qed toffri disa’ servizzi lir-residenti ta’ Marsaxlokk u lill-komunitajiet tal-madwar.

Waqt l-inawgurazzjoni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne esprima s-sodisfazzjon tiegħu li għall-ewwel darba r-residenti ta’ Marsaxlokk se jkunu jistgħu jirċievu s-servizzi tas-saħħa fil-lokalità tagħhom stess.

Id-Deputat Prim Ministru spjega li din il-berġa se toffri servizzi ta’ klinika tat-tabib tal-familja, klinika tal-infermiera, podjatrija, fiżjoterapija, patoloġija tal-lingwa mitkellma, teħid ta’ demm u  servizz ta’ nutrizzjonista. Din il-berġa għandha ukoll klinika għas-saħħa mentali, sabiex ikomplu jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa mentali li jingħataw barra mill-Isptar Mount Carmel, kif ukoll GU clinic li se jkun qed joffri servizzi kumplimentari għal dawk mogħtija fl-Isptar Mater Dei, biex b’hekk anke din il-kategorija ta’ servizzi tingħata fil-komunità.

Id-Deputat Prim Ministru fakkar li tul din il-leġiżlatura sa’ issa infetħu 12-il Ċentru tas-Saħħa, bereġ ġodda jew rinovati. Huwa rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tal-appoġġ li qed joffri l-NDSF sabiex ikunu ffinanzjati dawn il-proġetti, filwaqt li rringrazzja lir-Rettur tal-Universita ta’ Malta talli offra l-art li fuqha nbniet il-berġa ta’ Marsaxlokk.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat qal li l-ftuħ tal-berġa tas-saħħa f’Marsaxlokk hija parti minn kullana ta’ investimenti fis-saħħa u xhieda ta’ aktar investiment dirett fil-komunità; “Il-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali huwa l-fond li qed jagħmel din l-idea possibbli minn aspett finanzjarju. Investiment fis-saħħa, li b’kollox ilaħħaq l-€10 miljun. Se nkomplu ninvestu fin-nies u fil-komunitajiet tagħna.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com