Bil-Filmat: Charles Azzopardi Jgħid Lil Peppi Azzopardi Għalfejn Telaq Mill-Partit Laburista
Intervistat waqt il-programm Xarabank Online Charles Azzopardi, li huwa eks-sindku fi ħdan il-Partit Laburista, qal li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-korruzzjoni kienu r-raġunijiet ewlenin għalfejn iddeċieda li ma jibqax jifforma parti mill-PL wara 18-il sena mal-Partit, fejn okkupa anke l-kariga ta’ sindku fir-Rabat. Intant, Azzopardi issa se jikkontesta l-elezzjoni li ġejja mal-Partit Nazzjonalista.
Waqt l-intervista ma’ Peppi Azzopardi, Charles Azzopardi spjega li r-relazzjoni tiegħu mal-Partit Laburista bdiet tiddeterjora wara l-qtil, li fl-opinjoni tiegħu kien marbut ma’ wħud mill-ogħla istituzzjonijiet fil-pajjiż, inkluż l-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Azzopardi qal ukoll li d-deċiżjoni tiegħu ttieħdet wara li ħass li l-partit kien ittradixxa l-prinċipji tiegħu. Huwa tkellem “skandli ta’ korruzzjoni” u qal li taħt il-PN kien hemm skandlu kbir, iżda taħt il-PL hemm diversi skandli. Huwa qal li dik hija d-differenza ewlenija, u għalhekk se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-PN.