Binja Antika F’Birkirkara Se Tkun Ikkonvertita F’Ċentru Għal Tfal B’Diżabbilità U Bl-Awtiżmu
Permezz ta’ ftehim iffirmat dalgħodu, il-gvern se jassisti fir-riġenerazzjoni ta’ binja antika f’Birkirkara biex tiġi konvertita f’ċentru tal-mużika għal tfal b’diżabilità u bl-awtiżmu. Dan se jkun l-ewwel ċentru tax-xorta tiegħu f’Malta.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, flimkien maċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation u l-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca u mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, kien preżenti għall-iffirmar ta’ ftehim għal xogħlijiet ta’ restawr f’Villa Bianca f’Birkirkara.
Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, il-gvern permezz tal-Awtorità tad-Djar ippreżenta lill-Malta Trust Foundation, immexxija mill-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, is-somma ta’ €58,543 li se jgħinu biex jitwettaq ir-restawr neċessarju.
Il-Ministru Galdes fisser li din il-villa ġiet mogħtija minn familja privata, Maurice u Francina Abela, lill-Malta Trust Foundation b’risq tfal u żgħażagħ b’diżabilità u l-fondi allokati mill-iskema għal persuni b’diżabilità li toffri l-Awtorità tad-Djar qed jikkontribwixxu sabiex isirulha xogħlijiet biex toffri ambjent xieraq lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ.
“Grazzi għal dawn il-fondi allokati mill-gvern permezz tal-Awtorità tad-Djar, tfal bl-awtiżmu u persuni b’diżabilità li jsibu wens fil-mużika ħa jkunu jistgħu jitgħallmu iżjed u jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom,” qal il-Ministru Galdes u faħħar ukoll ħidmet tal-Malta Trust Foundation u qal li dan il-ftehim qed isir flimkien ma’ għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi oħra bħal The Down Syndrome Association, The Autism Parents Association u ADVICE.
Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, saħqet li, “Dan huwa proġett storiku li se jimla spazju fil-qasam tal-mużika u tal-arti performattiva għal dawk it-tfal bi bżonnijiet diversi li sal-lum ma kellhomx opportunità li jiżviluppaw dawn il-ħiliet. Dan huwa proġett ta’ inklużjoni li permezz ta’ servizz speċjalizzat se jagħti opportunità lil dawn it-tfal sabiex jieħdu gost bil-mużika u bl-arti performattiva filwaqt li jikbru u jifjorixxu f’dawn l-oqsma sabiex jilħqu l-milja tal-potenzjal tagħhom. Nirringrazzja lill-Ministru Roderick Galdes tas-sensittività li wera u tas-sapport li ta sabiex jgħin f’parti mill-ispiża tax-xogħol infrastrutturali ta’ din id-dar. Dan huwa proġett li se jkun sewa lil The Malta Trust Foundation is-somma kapitali ta’ €100,487 u investiment ta’ €250,000 fi tfal b’abbiltajiet differenti ta’ kull sena.”