Ċerva Ġġib Żewġ Irġiel Fl-Inkwiet Mal-Pulizija!
Żewġt irġiel li kienu qegħdin jixxemxu mingħajr ħwejjeġ f’bajja fin-nofsinhar ta’ Sydney ġew mwerwrin minn ċerva. Dan wassalhom sabiex jaħarbu jiġru ġo foresta, fejn spiċċaw intilfu u kellhom jitolbu l-għajnuna tal-pulizija. Il-pulizija batu ħelikopter sabiex ifittex liż-żewġt irġiel. Wara li t-tfixxija kienet ta’ suċċess, l-irġiel kienu mmultati $1,000 talli kissru r-regolamenti maħruġa mill-awtorità tas-saħħa sabiex titrażżan il-pandemija ta’ Covid-19.
Mhux magħruf għaliex l-irġiel twerwru miċ-ċerva u ħarbu ġo foresta sabiex jaħarbu minnha.
Jidher li wieħed mill-irġiel instab għarwien iġorr basket fuq daru viċin Lady Wakehurst Drive f’ Royal National Park, filwaqt li r-raġel l-ieħor instab parzjalment imlibbes.
Bħalissa f’partijiet sostanzjali minn Sydney hemm restrizzjonijiet li jipprojbixxu lir-residenti milli jivvjaġġaw il-barra mill-belt tagħhom wara żieda fin-numru tal-varjant Delta. Ir-residenti jistgħu joħorġu minn darhom biss sabiex jaqdu l-bżonnijiet neċessarji bħal xiri ta’ ikel, sabiex imorru għax-xogħol jew l-iskola jekk mhux possibbli li jagħmlu dan mid-dar tagħhom, għal raġunijiet mediċi jew sabiex jagħmlu eżerċizzju jew rikreazzjoni fuq barra.
Ritratt: Getty Images/Istockphoto