Deroga Għal Malta Dwar Il-Proġett Tal-Pipeline
Malta tinnegozja b’suċċess deroga sabiex il-proġett tal-pipeline tal-idroġenu (hydrogen) jibqa’ meqjus bħala proġett t’interess komuni għall-Ewropa. Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, innegozjat din id-deroga u b’hekk dan il-proġett jista’ jikkwalifika għal fondi Ewropej.
Id-deroga li ġiet negozjata waqt il-Kunsill tal-Enerġija li ltaqa’ f’Lussemburgu se tkun qiegħda tapplika għal pajjiżna u għal Ċipru.
Il-Kunsill fil-fatt qabel fuq ir-Reviżjoni tat-Trans-European Energy Regulation. Dan il-ftehim huwa l-ewwel pass u jrid jiġi kkonfermat wara diskussjonijiet bejn l-istituzzjonijiet differenti.
Il-Ministru Dalli nnegozjat biex stat membru Ewropej bħal Malta jkun marbut mal-grid Ewropew anke fejn jidħol l-użu tal-idroġenu fil-futur. Il-Ministru Dalli sostniet li “Dan huwa l-ewwel pass biex naċċertaw ruħna li nkunu f’pożizzjoni li għada pitgħada, meta l-idroġenu jkun disponibbli fl-Ewropa, inkunu nistgħu napplikaw għall-infrastruttura biex l-ebda pajjiż ma jkun iżolat minn networks Ewropej”.
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li l-idroġenu jista’ jikkontribwixxi b’mod b’saħħtu għall-għanijiet tal-Unjoni Ewropea għal dikarbonizazzjoni tal-klima u l-enerġija sal-2050.