“Dr Caruana Galizia Kkonferma Bil-Miktub Li Martu Rat Dawn Id-Dokumenti Foloz U li bbażat Fuqhom” – Joseph Muscat

 “Dr Caruana Galizia Kkonferma Bil-Miktub Li Martu Rat Dawn Id-Dokumenti Foloz U li bbażat Fuqhom” – Joseph Muscat

L-Eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat, fi spjega ftit fit-tul fuq il-midja soċjali tiegħu, tenna li wara tliet ijiem li ħalla jgħaddu biex jara jkun hemm xi ħadd jirraporta xi ħaġa mill-każ interessanti u li iżda ħadd ma fetaħ ħalqu dwaru, irrefera għal dokument pubbliku li m’għandux bżonn xi leak jew spekulazzjoni biex ikun irraportat.

Filwaqt li qal li mhux qed jirreferi għal dak li qal fuqu l-Kap tal-Opożizzjoni u li minnu ma jistennhiex aħjar, saħaq li l-partit li tpoġġa “jipprova jmexxi, qatt ma huwa se jaħfirli għall-fatt li għent biex il-Partit Laburista jsir id-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin.”

Qal li perfett mhux iżda jħalli f’idejn il-familji Maltin u Għawdxin biex fil-maġġoranza kbira tagħhom jgħidu jekk Gvern Laburista għamlilhomx bidla pożittiva f’ħajjithom jew le. It-tweġiba tant hija ċara li Dr Bernard Grech qiegħed fi triqtu b’mod tajjeb biex isir it-tielet Kap konsekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li ma jsirx Prim Ministru.

Tkellem dwar dokument li gie ppreżentat fil-Qorti nhar it-Tnejn li għadda; affidavit ta’ Dr Peter Caruana Galizia li ppubblika wkoll fuq facebook.

Joseph Muscat tenna li f’dan l-affidavit, Dr Caruana Galizia jgħid li fl-artikli miktuba minn Daphne Caruana Galizia m’hemm l-ebda indikazzjoni jew allegazzjoni li Michelle Muscat jew Joseph Muscat irċevew xi flus direttament jew indirettament mill-Azerbaijan, b’mod partikolari mingħand il-kumpanija ta’ Leyla Aliyeva, bint il-President tal-Azerbaijan.
Din hija xi ħaga għal kollox ġdida meta tqis il-gideb li sar u li għadu jsir fil-konfront tagħna.
Kompla jgħid li l-esperti forensiċi internazzjonali imqabbda fl-inkjesta tal-Maġistrat (illum Imħallef) Aaron Bugeja sabu li din it-transazzjoni qatt ma saret. “Issa saħansitra qed jintqal lilna iżda li imkien ma ntqal li aħna ħadna xi flus”, kiteb Muscat.
“Fl-affidavit, Dr Caruana Galizia jgħid li martu ma kenitx qaltu min huma dawk li huwa iddeskriva bħala “sorsi anonimi” f’Pilatus Bank u li fuq il-bażi ta’ dokumenti ippreżentati minn naħa tagħhom, inbniet il-gidba Egrant. L-inkjesta indipendenti kkonkludiet li dawn id-dokumenti kienu mingħajr l-ebda dubju foloz.”
Muscat qal ukoll li Dr Caruana Galizia kkonferma bil-miktub li martu rat dawn id-dokumenti foloz u li ibbażat fuqhom.
Għamel referenza għal  Maria Efimova fejn qal li kienet ipprezentat lilha nnifisha bħala s-sors tal-gidba Egrant, u li fl-affidavit Dr Caruana Galizia jgħid li Maria Efimova tista tkun u tista ma tkunx waħda mis-sorsi li kellha martu.
Issa, Efimova ilha erba’ snin maħruba minn Malta u fil-konfront tagħha jeżisti mandat ta’ arrest internazzjonali fuq ordni tal-Qorti, fejn qed tkun akkużata fost oħrajn li ħalfet falz quddiem l-inkjesta Maġisterjali dwar il-gidba Egrant. Fix-xhieda fl-istess inkjesta, Maria Efimova tat verżjoni kuntrastanti ma’ dik ta’ Daphne Caruana Galizia, li kienet laħqet xehdet b’mod komplut.
“L-argument ta’ Dr Caruana Galizia huwa illi la ma nstabx ta’ min hija, avolja hemm xhieda pubblika f’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li hija tiegħi. Bl-istess raġunament ma’ jistax ikun eskluż li hija tiegħu, li hija ipoteżi ma tregix daqs dik li qed jipprova jagħmel huwa”, żied Joseph Muscat.
“Jien offrejt li nwaqqa l-każ ta’ libell jekk sempliċiment il-familja Caruana Galizia tirrikonoxxi l-konklużjonijiet tal-inkjesta indipendenti. Dr Peter Caruana Galizia qal li wliedu u hu ma jistgħux jaċċettaw din l-offerta. Ma nafx x’inhi d-diffikulta għaliex il-fiduċja fl-Imħallef qatt ma ġiet ikkontestata. Mhux qed nitlob xi stqarrija fejn ikun rikonoxxut li Daphne Caruana Galizia ġiet mitmugħa provi foloz, iżda sempliċiment rikonoxximent tal-konklużjonijiet. Bl-istess mod li jien se nagħraf ir-riżultat tal-Inkjesta Indipendenti dwar il-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia minkejja li din ħadet direzzjoni ferm lil hemm mit-termini ta’ referenza, abbandunat l-istess termini u huwa ċar x’se tkun il-konklużjoni, la inbidel dan kollu. Dik izda jerfgħuha l-Imħallfin. Jien nirrikonoxxi l-inkjesti indipendenti kemm meta joghgbuni x’ jghidu kif ukoll meta ma joghgbunix.”

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com