Dr. Hyzler Jgħid Li M’Hemmx Bażi Biex Jinvestiga T-Tqassim Tal-Larinġ
Dr. George Hyzler bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qal li m’hemmx bażi biex jinvestiga, fost oħrajn it-tqassim ta’ boroż tal-larinġ lill-anzjani li sar mill-membru parlamentari l-Onor. Rosianne Cutajar, f’dar residenzjali tal-anzjani f’Ħal Qormi.
Il-Kummissarju ħa din id-deċizjoni wara ilment li sarlu mill-kandidat indipendent Arnold Cassola fejn talab lill-Kummissarju jinvestiga wkoll dwar allegazzjonijiet ta’ xiri jew influwenzar ta’ voti permezz ta’ għotjiet ta’ cupcakes, roly poly u maskri mill-Onor. Silvio Schembri, l-Onor. Silvio Parnis u l-Onor. Alex Muscat.
Il-Kummissarju stqarr li l-aġir li kien allegat ma jikkostitwixxix ksur ta’ kodiċi tal-etika tad-deputati parlamentari u tal-ministri. Dr. Hyzler appella ukoll sabiex ilmenti taħt ir-responsabilità t’awtorijiet oħra jsiru direttament lilhom, għaliex l-uffiċċju tiegħu m’għandux jippreġudika investigazzjoni min-naħa tal-Pulizija.
Dr. Hyzler fakkar fil-bidliet tal-kodiċi tal-etika tal-ministri u tad-deputati li ppropona l-uffiċċju li jmexxu hu, li jirregolaw rigali li jingħataw lid-deputati, kif ukoll rigali li jagħtu id-deputati tul il-leġislatura kollha.