€6 miljuni Lill-MFA Biex Jinbidlu L-Uċuħ Kollha Tal-Grounds Tal-Futbol F’Malta u Għawdex
B’riżultat ta’ investiment ta’ €6 miljuni min-naħa tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji se jkunu qegħdin jibbenefikaw 68 klabb tal-futbol f’Malta u Għawdex kif ukoll assoċjazzjonijiet li huma membri tal-MFA. Permezz ta’ dan l-investiment se jkunu qegħdin jinbidlu l-uċuħ kollha tal-grounds tal-futbol li huma magħmulin minn turf sintetiku. F’Malta se jkunu qegħdin jinbidlu 55 wiċċ ta’ ground u 13 oħra f’Għawdex.
Il-ftehim għal dan l-investiment sar bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) u s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja. Il-ftehim jaħseb biex l-implimentazzjoni tiegħu ssir fuq medda ta’ tmien snin bl-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol tkun responsabbli mill-implimentazzjoni bl-investiment finanzjarju jsir mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli. Hija qalet li dan l-investiment hu l-aktar ċertifikat b’saħħtu li l-gvern verament jemmen fiż-żgħażagħ u l-inklużjoni.
Il-Ministru Farrugia Portelli tenniet kif dan il-ftehim ikopri qasam sportiv mill-aktar popolari f’pajjiżna, il-futbol. “Tista’ tgħid li f’kull lokalità f’Malta u Għawdex għandna ground tal-futbol, ġeneralment amministrat mill-klabb tal-futbol tal-istess lokalità. Tul is-snin li għaddew l-uċuħ ta’ dawn il-grounds saru bit-turf sintetiku. Bħal kull ħaġ’oħra jasal iż-żmien li dan it-turf sintetiku jkun jeħtieġ li jinbidel u huwa hawn li l-ministeru qed jagħmel dan l-investiment. Huwa fatt magħruf li tista’ tgħid kull klabb għandu n-nursery tiegħu li min-naħa tagħhom jipprovdu rikreazzjoni u eżerċizzji fiżiċi għat-tfal tagħna filwaqt li l-players adulti użaw il-faċilità għat-taħriġ. Kull ħaġa minnhom twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ġenerazzjoni preżenti u futura, u huwa dan li jsaħħilna d-determinazzjoni tagħna li nkunu strumentali għal faċilitajiet aħjar”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, spjega kif dan l-investiment, li se jara t-tibdil tal-wiċċ sintetiku ta’ diversi grounds, se jassigura li t-tfal u ż-żgħażagħ li jitħarrġu fil-futbol jagħmlu dan f’kundizzjonijiet professjonali u ta’ livell għoli. Is-segretarju parlamentari qal li, “Dan il-ftehim jiddefinixxi l-għan li jkunu msaħħa l-ħiliet u l-kompetenzi sportivi, tat-tfal tagħna”.
Is-segretarju parlamentari semma’ kif id f’id mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, matul it-tmien snin li ġejjin, numru ta’ pitches se jkun qed jinbidlilhom il-wiċċ sintetiku, b’investiment ta’ €6 miljuni. Clifton Grima qal li investimenti u proġetti ta’ din il-kwalità huma xhieda tal-impenn tal-gvern li jkompli jsaħħaħ l-investiment fl-isport għat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin biex jagħmlu l-qabża fil-kwalità.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Football Malti Bjorn Vassallo, filwaqt li rringrazzja lill-gvern għal dan l-investiment, saħaq li dan il-ftehim se jkopri iżjed minn 250,000 metru kwadru ta’ ħaxix artifiċjali. Fl-aħħar nett huwa saħaq kif l-MFA se tkun qed tinvesti aktar fl-iżvilupp tal-logħba u fit-teknika tal-players tal-football fil-pathway kollha, mill-grassroots sal-livell elite.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella qal li dan l-investiment ikompli jibni mad-diversi inizjattivi li għadejjin fil-qasam sportiv sabiex f’pajjiżna ikollna faċilitajiet ta’ livell li jixraq, partikolarment fil-futbol. Ftehim bħal dan ikompli jixpruna il-ħidma sfiqa mwettqa mill-klabbs nnifshom b’tant enerġija, passjoni u fuq kollox b’mod volontarju b’risq il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet rispettivi.
Ritratt: Clodagh O’Neill