€8 Miljun lil Hospice Malta Mill-Gvern
Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat ippreseda l-iffirmar ta’ ftehim li permezz tiegħu, il-Gvern ta’ Malta se jkun qiegħed jipprovdi għotja ta’ €8 miljun mill-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali lil Hospice Malta biex tkun tista’ tibdel binja f’Santa Venera f’St Michael Hospice Complex.
Kumpless li se jkun l-ewwel tat-tip tiegħu f’Malta, dan se joffri kura paljattiva ċentralizzata f’ambjent tal-ogħla livell. Fost oħrajn, il-proġett jinkludi Day Therapy Unit u Outpatients Clinic. Il-binja se tinkludi ukoll Inpatients Unit li minnu Hospice Malta se tkun tista’ toffri servizz ġdid f’16-il kamra li fihom il-pazjenti se jkunu jistgħu jingħataw kura paljattiva u l-appoġġ meħtieġ imdawrin bil-familjari u l-ħaddiema li jkunu mxew din il-mixja diffiċli magħhom.
“Il-preġju ta’ dak li qed nappoġjaw mhuwiex il-ġebla. Illum qed inkomplu ninvestu fin-nies. Kulħadd jaf it-toqol fiżiku u emozzjonali li ġġib magħha l-kura paljattiva. B’dan il-proġett qed nippruvaw intaffu ftit billi nappoġġjaw il-ħidma imprezzabbli tal-Hospice. Filwaqt li s-sistema tas-saħħa pubblika tagħti servizz mill-aqwa, dan il-proġett se jbiddel il-kura paljattiva f’pajjiżna minn kif nafuha sal-lum.”
Dr Abela rrimarka li l-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) kien kruċjali biex dan il-proġett jiġi implimentat.
“Din hija Malta li nemmen fiha jien. Mingħajr sfidi? Ebda pajjiż ma jista’ jgħix mingħajr sfidi. U għal kull familja u individwu wkoll jiġu mumenti ta’ diffikultà. F’Malta li rrid jien fil-mument tal-bżonn, dawk il-familji jsibu gvern bir-riżorsi u bieb miftuħ biex jgħinhom.”
L-iffirmar ta’ dan il-ftehim se jingħaqad mal-kullana ta’ proġetti soċjali li qegħdin jitwettqu permezz tal-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali, fosthom dak mal-Fondazzjoni Puttinu Cares, li se jsarraf l-għotja ta’ €5 miljun f’aktar appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra u li jinsabu tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-Isptar Great Ormond.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li dan il-ftehim huwa turija ċara li l-gvern qed joħloq ġid li qed jasal fil-komunità. “Il-ħidma tagħna nwettquha biex inkunu ta’ spalla fejn hemm bżonn u għal min għandu bżonn. B’investiment ta’ aktar minn €8 miljun, l-NDSF qed tippermetti lill-Hospice Malta tniedi x-xogħlijiet li se jibbenefikaw minnhom dawk li għandhom bżonn din it-tip ta’ kura.”
Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernadette Bonnici Kind sostniet li l-fondi allokati se jibdlu din il-ħolma ta’ Hospice Malta f’realtà filwaqt li rringrazzjat lil kull min jgħin lil Hospice Malta b’xi mod jew ieħor.
“Illum qegħdin nirċievu għotja ġeneruża wisq, u għotja wisq meħtieġa li se tkompli tgħinna nwettqu dan il-proġett ambizzjuż. Għan-nom ta’ Hospice Malta, partikolarment għan-nom ta’ kull pazjent preżenti u tal-futur nirringrazzja lill-gvern għal din l-għotja tant apprezzata.”
Ritratti: DOI/OPM