Eks Supretendent Se Jiġi Mixli B’Korruzzjoni

 Eks Supretendent Se Jiġi Mixli B’Korruzzjoni

Ray Aquilina, eks Supretendent fit-Taqsima tal-Pulizija tar-Reati Ekonomiċi, se jitressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ korruzzjoni.

Dan ġie rrappurtat mis-Sunday Times dalgħodu. Aquilina ġie arrestat f’April li għadda billi saru allegazzjonijiet li għadda informazzjoni dwar l-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Illum Aquilina m’għadux iservi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Skont it-Times, il-pulizija għamlu kuntatt mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex jaraw kif l-aħjar li jittieħdu passi kontra l-eks Supretendent, wara li temmew l-investigazzjoni fuqu. Il-gazzetta qalet li l-investigazzjoni tmexxiet minn tim li twaqqaf biex jinvestiga dak li kien qed jiġi żvelat mill-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Din l-investigazzjoni wasslet għall-konklużjoni li Aquilina għandu jaffaċċja diversi akkużi kriminali, li jvarjaw minn evażjoni tat-taxxa sa korruzzjoni, marbutin mar-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista li seħħ fl-2019.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com