Erbgħa Maqtula U Tnejn Feruti – Din Hija L-Ġrajja Storika Tal-Lum
Ftit jien wara fil-ġurnal Malta Tagħna kien ġie rrapurtat x’ġara eżatt bħal-lum is-7 ta’ Ġunju fl-1919. Issjeħet is-Sette Giugno.
Kien is-Sibt. Il-Maltin kellhom jitilgħu lejn il-Belt biex juru lill-Gvern Ingliż li kienu mdejqin. L-għajta kienet ‘Culħat al Belt’.
Ritratt: Heritage Malta
Is-sidien tal-ħwienet fthemu li ma jiftħux. Mhux hekk għamel l-importatur tal-qamħ Cassar Torregiani. Il-Maltin irrabjaw u kissrulu l-armatura tal-ħġieġ.
Bħal dejjem ikun hemm min jieħu vantaġġ minn mumenti ta’ kommossjoni. Għalkemm dakinar il-Maltin kellhom rieda tajba u favur pajjiżhom, kien hemm episodju fejn xi Maltin daħlu jisirqu mingħand xi familji fil-Belt.
Mill-bqija, l-għan ewlieni tal-Maltin kien li jsemmgħu leħinhom għal Malta tagħhom. Ma ridux jibqgħu mkassbrin u ttrattati bħala nies tat-tieni klassi. Għola l-prezz tal-ħobż. Ma setgħux ilħaqqu biex jgħixu. Ix-xogħol kien naqas. Kien hawn il-faqar.
Episodju ieħor kien li grupp ta’ Maltin malli raw baħri bdew jgħolluh fuq l-idejn u jkantaw. Dan huwa fatt interessanti li juri li l-Maltin ma kellhom kontra l-Ingliżi per se. Huma riedu biss rispett u sehem fit-tmexxija. Riedu li jkunu stmati.
Iżda, Maltin telgħu fuq il-Biblijoteka, niżżlu l-Union Jack u ċarrtuh. Kissru wkoll l-uffiċċini tal-Malta Daily Chronicle.
Issejħu l-pulizija Maltin li ma ridux jiftħu n-nar fuq ħuthom il-Maltin. Għalhekk issejħu s-suldati Ngliżi li sparaw u qatlu erbgħa persuni: Lorenzo Dyer, Carmelo Abela, Ġużeppi Bajada u Manwel Attard. Spiss ninsew li tnejn oħra sfaw feruti li mietu aktar tard, għalhekk jiġu wkoll vittmi tas-Sette Giugno.
L-Għada l-Ħadd, ukoll reġgħu telgħu xi Maltin il-Belt imma ma nqala’ xejn. Grazzi għal din il-ġrajja, l-Ingliżi rrealizzaw li jekk mhux se jagħmlu pass, il-Maltin se jqumu sew kontriehom u jitilfu lil Malta.
Kien fl-1921, li Malta ngħata is-‘Self Government.’ Kien l-ewwel darba li l-poplu kellu sehem fit-tmexxija. Kien l-ewwel darba, li l-Maltin ħasbu bis-serjetà li jwelldu l-Partit Politiċi taħghom kif suppost … għalihom, għal Malta aħjar.