Filmat Grafiku: Il-Mument Xokkanti Li Fih Inqatgħet Il-Cable Car U Qatlet 14-Il Ruħ Fl-Italja
Filmat imxandar waqt il-bulettin tal-aħbarijiet ta’ Rai 3 juri l-mument traġiku illi fih inqatgħet il-cable car li qatlet 14-il persuna nhar it-23 ta’ Mejju li għadda f’Mottarone l-Italja.
Il-cable car involuta fl-inċident tidher riesqa bil-mod il-mod lejn id-destinazzjoni tagħha f’Mottarone. Abbord, hemm 15-il persuna, ilkoll marsusin ma’ xulxin. Quddiem nett, iċ-ċkejken Eitan li salva fit-traġedja, missieru u żewġ nisa oħra. Imbagħad, il-cable car tinqata’ u tieħu skoss lura b’qawwa liema bħalha, tant li l-persuni li kienu ġo fiha spiċċaw tilfu l-bilanċ u ma setgħu jqumu b’xejn. Ftit wara, il-cable car tinqata’ għalkollox u titgħaffeġ fil-foresta tal-inħawi.
Permezz ta’ kamera oħra, jidher ħaddiem li kien lest jilqa’ lill-persuni abbord f’Mottarone. Kif inqatgħet il-cable car, huwa jidher jitlob l-għajnuna.