Ftehim Bejn Id-Dipartiment Tat-Tindif u Aġenzija Sapport

 Ftehim Bejn Id-Dipartiment Tat-Tindif u Aġenzija Sapport

‘Il fuq minn 550 persuna b’diżabilità se jkunu qed igawdu minn diversi proġetti ta’ tisbiħ u manutenzjoni li se jkunu għaddejjin fid-diversi binjiet ta’ Aġenzija Sapport, inkluż ċentri ta’ matul il-jum u residenzi f’Malta u Għawdex. Dan b’riżultat ta’ ftehim iffirmat bejn l-Aġenzija Sapport u d-Dipartiment tat-Tindif fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika. Il-ftehim hu mifrux fuq medda ta’ tliet snin, sa tmiem is-sena 2023.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li permezz ta’ dan il-ftehim qed ikun assigurat li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni, tisbiħ u tindif ikunu kontinwi u programmati. “L-ambjent fejn tgħix, fejn taħdem jew fejn tqatta’ sigħat sostanzjali tal-ġurnata jagħmel differenza kbira fuq il-kwalità tal-ħajja li tkun qed tgħix. Qegħdin nassiguraw li dan l-ambjent ikun wieħed adegwat, modern u attraenti kemm għall-persuni b’diżabilità li jgħixu fid-disa’ residenzi f’Malta u waħda f’Għawdex u dawk li jattendu fl-10 ċentri ta’ matul il-jum f’Malta u wieħed f’Għawdex, kif ukoll għall-impjegati. Fiċ-ċentri ta’ matul il-jum jattendu 465 persuna b’diżabilità, filwaqt li fir-residenzi tal-Aġenzija Sapport jgħixu 47 persuna b’diżabilità. Konvinta li permezz ta’ dan il-ftehim se nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom kollha.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista qal li b’din l-għajnuna li se tagħti d-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni lill-Aġenzija Sapport se nkomplu naraw sinerġija bejn l-entitajiet governattivi. “Matul dawn l-aħħar snin, bdejna naraw il-ħaddiema tagħna f’kull rokna ta’ pajjiżna – issa se nkomplu nsaħħu dan billi ngħinu fl-indafa ta’ binjiet pubbliċi.” spjega s-Segretarju Parlamentari Debattista.

Id-Direttur Ġeneral tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni Ramon Deguara qal li din id-diviżjoni hi kommessa li tassisti lil diversi ministeri, dipartimenti, u entitajiet governattivi f’dak li jirrigwardja tindif u manutenzjoni ta’ binjiet pubbliċi. Huwa kompla jgħid li, bħalma ġara f’dan il-każ, qed jiġi ffirmat ftehim li fih se naraw li ssir manutenzjoni regolari fid-djar tal-Aġenzija Sapport.

Is-Sinjura Ruth Rose Sciberras, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, irringrazzjat lill-ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment tat-Tindif tal-kollaborazzjoni li wrew fil-proġetti li diġà twettqu fix-xhur li għaddew fi tliet ċentri ta’ matul il-jum bħala parti minn dan il-ftehim.

 

Ritratt: DOI / Clifton Fenech

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com