“Gvern Ġdid Nazzjonalista Jagħmel Differenza Fil-Qasam Ambjentali F’Pajjiżna” – Il-PN
Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista, intqal li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħmel differenza fl-aspett ambjenatli. Tenna li tittieħed azzjoni biex l-art ta’ ħdejn il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien issir art pubblika u tingħata lill-poplu Malti u Ghawdex. “Bil-fatti l-Partit Nazzjonalista qed jibgħat messaġġ ċar li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħmel differenza fil-qasam ambjentali”. Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Robert Cutajar u l-Kelliem għal Għawdex Chris Said, f’konferenza tal-aħbarijiet biex jitfakkar il-jum dinji dedikat lill-ambjent.
Robert Cutajar qal li l-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista u li se jkompli jressaq fil-jiem li ġejjin jagħtu garanzija lill-poplu Malti għall-kwalitá tal-ħajja aħjar bl-ambjent ikun qasam ewlieni.
Intqal li: “Sfortunatament illum ma’ tgħaddix ġurnata li ma tiftaħx gazzetta jew portal u li ma tismax stejjer li ta’ kuljum l-ambjent f’pajjiżna verament jinsab taħt theddida. Dan mhux l-ambjent li ġie mwiegħed fl-2013 mill-Partit Laburista.”
Il-PN saħaq li llum għandna gvern li qed ikun protagonist ewlieni f’din il-ħsara ambjentali. “Gvern li falla għax naqas li jsib bilanċ bejn l-ambjent u l-iżvilupp. Gvern b’ministru tal-ambjent li jiddikjara u jikkonferma f’dibattitu li għall-Gvern fl-aħħar snin l-ambjent ma’ kienx prioritá. Tant li falla fl-immaniġjar u sseparazzjoni tal-iskart, nesa’ t-tibdil fil-klima, qed jinjora l-kwalitá tal-arja u mhux jagħti każ il-ħarsien tal-biodiversitá.” Il-PN tenna li l-gvern din il-ġimgħa vvota kontra abbozz imressaq mill-Oppożizzjoni għal aktar trasparenza, parteċipazzjoni, kontabilitá u governanza tajba fl-ERA. Abbozz li kellu l-appoġġ ta’ sitt għaqdiet ambjentali. Konxji mill-abbuż li qed iwettaq il-gvern u l-entitajiet tiegħu fejn qed jagħmlu xogħlijiet bla permess bl-iskuża ta’ xogħol b’emerġenza l-oppożizzjoni se tkun qed tressaq abbozz ta’ liġi ieħor fil-parlament sabiex jigi mrażżan dan l-abbuż. Abbuż li kien konfermat ukoll mill-Ombudsman.
Min-naħa tiegħu Chris Said qal li din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista afferma li lest jieħu azzjoni biex l-art ta’ ħdejn il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex issir art pubblika u tingħata lill-poplu Malti u Ghawdxi. Intqal ukoll li l-iskop wara dan kollu hu li din l-art issir pubblika biex imbagħad jibda proċess biex fejn hemm bzonn tiġi riabilitata – speċjalment il-parti fejn kien hemm il-barriera u tiġi trasformata f’park nazzjonali għat-tgawdija tal-pubbliku. “Dan huwa l-futur li rridu nagħtu lill-pajjiżna, b’mod partikulari lill-gżira Ghawdxija. Iżjed spazji miftuħa li jkunu pubbliċi u li jitgawdew minn kulħadd.”
Chris Said fakkar kif Gvern mmexxi mill-Partit Nazzjonalista kien beda l-proġett tal-Park tal-Familja fil-Qortin fix-Xagħra. Saru l-pjanijiet kollha biex tinbidel f’Park tal-Familja madankollu sal-lum tmien snin wara dan ma sarx minkejja ħafna wegħdi tal-Gvern Laburista. Fi tmien snin ma nħoloqx spazju wieħed pubbliku f’ Għawdex.
Fakkar kif hu u d-deputati Għawdxin Kevin Cutajar u Joseph Ellis talbu li l-Kumitat Parlamentari ghallAffarijiet ta’ Għawdex jiddiskuti r-rapport li għamlu s-Sindki Għawdxin dwar l-iżvillupp eċċessiv u ddegradament ambjentali u urban f’Għawdex. Fl-aħħar żewġ laqgħat kien hemm diskussjoni tajba ħafna fuq din il-materja importanti u ser tkompli fil-laqgħat li ġejjin. Fihom ħadu sehem imsieħba socjali u għaqdiet Għawdxin. Sa issa tressqu 38 proposta importanti, li wħud minnhom jistgħu jiġu attwati bla dewmien, temmet tgħid l-istqarrija.