Gvern Ta’ Solidarjetà Nazzjonali Li Jwassal Sal-Elezzjoni Ġenerali
L-Għaqda Repubblika waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, pproponiet li l-Gvern Laburista għandu jinbidel u jinħoloq Gvern ta’ Solidarjetà Nazzjonali li jwassal sal-elezzjoni ġenerali f’Ġunju tal-2022. Dan il-Gvern għandu jkollu fi ħdanu numru ta’ persuni tekniċi ta’ integrità u ħila rikonoxxuti b’mod wiesgħa.
Dan qed jiġi propost mir-Repubblika fid-dawl tad-deċiżjoni tal-FATF li poġġiet lil Malta fil-lista l-griża.
Il-President tal-Għaqda Repubblika Dr. Robert Aquilina qal li “Biex isir dan, ikun jeħtieġ li deputati miż-żewġ naħat tal-kamra minn jeddhom iċedu s-siġġu tagħhom fil-Parlament biex dawn it-tekniċi jkunu jistgħu jservu fil-Kabinett tal-Prim Ministru magħżul biex imexxi l-Gvern ta’ Solidarjetà Nazzjonali”
Dr. Aquilina kompla qal li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qed jippruvaw jidħqu bin-nies meta qalu li d-deċiżjoni tal-FATF mhux se jkollha effett negattiv fuq Malta. Qal li hemm bżonn li tingħad il-verità, li pajjiżna jinsab fi kriżi.