Ħabs Abbandunat Fl-Italja Bil-Ħsieb Li Jsir Attrazzjoni Turistika!
Ħabs antik u abbandunat fl-Italja se jiġi rinovat, bil-ħsieb li jsir attrazzjoni turistika, simili għal Alcatraz fl-Istati Uniti. Ir-rinovar mistenni jiswa €70 miljun u se jinkludi mużew, tours tal-ħabs, hostels u cocktail bar.
Dan il-ħabs antik jinsab ġewwa gżira żgħira bl-isem ta’ Santo Stefano, li tista’ tintlaħaq biss minn għaddasa u sajjieda. M’hemmx port għat-turisti u hija mdawra b’ġebel u nawfraġji tat-tieni gwerra dinjija.
Ritratt: Alamy Stock Photo
Dan il-bini ra bosta priġunieri speċjalment bejn 1930 u 1940 fejn kien immexxi mill-Gvern Faxxista. Dan kien żmien tassew ikrah għal dawn il-priġunieri, hekk kif ħafna kienu jiġu ttorturati u min ażżarda jipprova jaħrab, spiċċa għereq. Fl-1950 imbagħad dan il-ħabs kien trasformat sabiex jinkludi teatru tal-films, post fejn jilgħabu l-futball, ħanut tal-ħobż u ħwienet oħra sabiex iħallu lil priġunieri jagħmlu s-sengħa tagħhom. Iżda maż-żmien, propju fl-1965 dan il-ħabs għalaq u ġie abbandunat. Minkejja li huwa possibbli li żżur dan il-ħabs, bħalissa ftit huma dawk li jagħżlu li jagħmlu dan. Jidher ukoll li preżentament m’hemmx dawl u ilma.
Intant, titħajjru tmorru f’dan il-post la darba jkun rinovat?
Ritratt: Corbis via Getty Images
Ritratt Prinċipali: Alamy Stock Photo