Ħelsien Mill-Arrest Għal Raġel Li Kixef Lil Min Biegħ B’€10,000 Fi Djamanti Misruqa

 Ħelsien Mill-Arrest Għal Raġel Li Kixef Lil Min Biegħ B’€10,000 Fi Djamanti Misruqa

Raġel li ġimgħa ilu tressaq il-qorti mixli li fil-bidu ta’ Ġunju seraq b’€10,000 fi djamanti minn faċilitajiet ta’ kumpanija, li isimha ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, ingħata l-ħelsien mill-arrest temporanju b’għadd ta’ kundizzjonijiet sakemm isir rapport qabel tingħata s-sentenza ordnat mill-qorti.

L-Ispettur Paul Camilleri xehed fil-Qorti li tkellem mal-imputat fil-preżenza tal-avukat tiegħu Darren Carabott li qallu li kien biegħ il-ġojjelli lil ċertu Joseph Tabone. Qal li kieku ma kienx għas-Sur Azzopardi, il-pulizija ma kinux jaslu għal Joseph Tabone li tressaq il-qorti lbieraħ. Il-ġojjelli ġew rkuprati wara li rritornahom qassis. Wara li semgħet ix-xhieda, il-Maġistrat Nadine Lia ordnat li jsir rapport qabel tagħti s-sentenza.

F’dan l-istadju, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, li l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx. Il-Qorti laqgħet it-talba u ordnat lil Carmel Azzopardi biex jiffirma darbtejn fil-ġimgħa l-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida li jkun id-dar sad-9.00pm u ma joħroġx qabel is-6.00am. u jagħmel depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000.

Il-ġimgħat li għaddiet, id-difiża spjegat li r-reati twettqu għax ir-raġel għandu l-vizzju tal-kokaina u djun.

Mix-xhieda fil-Qorti ħareġ li l-akkużat diġà għamel programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga iktar minn 4 snin ilu.

Il-każ ikompli fit-22 ta’ Lulju fid-9.00am.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com