Ħolqien Ta’ Teknoloġiji Ġodda Fil-Kamp Tal-Kameras 

 Ħolqien Ta’ Teknoloġiji Ġodda Fil-Kamp Tal-Kameras 

Proġett ta’ riċerka u innovazzjoni ġab flimkien l-Università ta’ Malta, kumpanija privata u finanzjament mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) biex inħolqot teknoloġija ġdida li għandha l-għan li taqbad avvenimenti li jsiru f’veloċità kbira minn ħafna perspettivi fl-istess ħin.

Dan il-proġett li dam għaddej erba’ snin, bl-isem MEMENTO (Multi camera high frame rate synchronisation) huwa sħubija bejn l-Università ta’ Malta u MST Audio Visual Ltd u huwa bbażat fuq sett ta’ teknoloġiji marbuta mal-kamera u mal-proprjetà intellettwali stabbilità mid-Dipartiment tal-Inġinerija tas-Sistemi Elettroniċi. Il-proġett ibbenefika minn finanzjament għar-riċerka tal-MCST taħt il-programm FUSION.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, il-Ministru Għar-Riċerka, L-Innovazzjoni U L-Koordinazzjoni Tal-Istrateġija Għal Wara Covid-19, Owen Bonnici spjega li MEMENTO żviluppa teknoloġiji uniċi għat-tkessiħ tas-sensors (sensor cooling), minbarra l-abilità li tissinkronizza b’mod perfett numru ta’ kameras bil-għan li jaqbdu avvenimenti f’veloċità qawwija minn ħafna perspettivi fl-istess ħin. Huwa qal li l-Università ta’ Malta diġà għandha proprjetà intellettwali fuq is-suġġett u tinsab fil-proċess li tirreġistra patent fuq numru ta’ teknoloġiji li twieldu bis-saħħa tar-riċerka tagħha.

“Bis-saħħa tal-ħolqien ta’ prodott li jappella għal porzjon ikbar tas-suq tal-kameras għal veloċitajiet qawwija, din l-innovazzjoni rnexxielha twieġeb għall-bżonnijiet ewlenin tas-swieq xjentifiċi u ċinematografiċi. Dan il-prodott ġdid ikabbar l-ispettru ta’ applikazzjoni għal kameras għal veloċitajiet qawwija, bħal pereżempju fis-settur tar-riċerka xjentifika” saħaq il-Ministru Owen Bonnici.

Iċ-Chairperson tal-MCST Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal, “Programmi ta’ finanzjament bħal FUSION huma kruċjali sabiex jinkoraġġixxu l-kreattività u jitrasferixxu ideat bħal Memento f’realtajiet lesti għas-suq. Il-kreattività u l-innovazzjoni huma s-sinsla ta’ negozju b’saħħtu u huma elementi importanti sabiex wieħed ikun jista’ jirnexxi f’suq kompetittiv u turbulenti bħalma huwa l-ambjent tan-negozju tal-lum.”

Dr Inġ. Marc Anthony Azzopardi, għan-nom ta’ MEMENTO, qal li dan il-prodott se jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ żewġ swieq fl-istess ħin. L-ewwel suq huwa dak tax-xjenzi u dan bis-saħħa tal-ħolqien ta’ kamera finanzjarjament affordabbli li tista’ taqbad videos f’veloċità qawwija f’riżoluzzjoni b’saħħitha anke f’kuntesti mhux wisq imdawlin. Is-sinkronizzazzjoni tal-kamera għandha valur kbir għax tgħin lix-xjenzati biex jeżaminaw numru ta’ affarijiet. It-tieni suq huwa dak marbut max-xandir jew maċ-ċinematografija bil-għan li dan in-niche market jiġi servut b’soluzzjoni ta’ immaġini affordabbli imma versatili fil-kamp tal-veloċità qawwija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com