“Iċ-Ċkejkna Bambina Tagħna” – Jirrakonta N-Nannu Vitor

 “Iċ-Ċkejkna Bambina Tagħna” – Jirrakonta N-Nannu Vitor

Iċ-Ċkejkna Bambina Tagħna – Reċensjoni ta’ Dwayne Ellul, huwa ktieb ta’ 40 paġna b’qoxra ratba, pubblikazzjoni tal-Bażilika Sengleana ta’ Marija Bambina u l-Iskola Primarja tal-Isla.

L-awtur, Johann Camilleri, huwa għalliem fl-istess skola filwaqt li l-aspett viżiv qed jitwassal bis-saħħa ta’ Victor Pulis u Owen Said. Il-parti l-kbira tal-immaġnijiet huma ritratti ta’ pitturi li Pulis pitter għall-kollezzjoni privata ta’ Joseph u Marianne Haber filwaqt li Said ħa ħsieb l-illustrazzjonijiet l-oħra b’tali mod li jikkumplimentaw tajjeb sew lil xulxin u sew lill-iżvolġiment tar-rakkont.

Permezz ta’ din il-pubblikazzjoni, il-Kumitat Festi Ċentinarji u l-amministrazzjoni tal-Iskola Primarja qed jolqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda: iħeġġu l-għoġba għall-qari u anki l-apprezzament fost iċ-ċkejknin tal-istorja tal-Belt Qatt Mirbuħa u l-kult Marjan li hu tant marbut magħha.

Il-karattru ewlieni huwa n-nannu Vitor li – bi kliem sempliċi li jifhmuh il-qarrejja żgħar – fuq bank tal-Bażilika tal-Isla jirrakkonta liż-żewġ neputijiet tiegħu Lara u Noah il-ġrajjiet li jorbtu f’rabta li ma tinħall qatt lil Marija Bambina mal-belt tal-Isla. Jibda mit-twaqqif tal-Forti San Mikiel fid-daħla tal-belt u jimraħ sa sehem is-Sengleani fl-Assedju l-Kbir tal-1565 li b’ħilithom u bl-għajnuna tal-Bambina kellhom il-grazzja jaraw lill-Ottomani jsalpaw lura lejn pajjiżhom nhar il-festa tat-twelid tal-Madonna.

It-tfal kurjużi jistaqsu lin-nannu dwar l-istorja tal-istatwa tal-Bambina iżda n-nannu Vitor ma jiqafx sal-wasla tagħha fl-Isla mit-tiġrif ta’ galjun fl-Adrijatiku iżda jirrakkonta lin-neputijiet dwar interventi mirakolużi oħra attribwiti lix-xbieha taċ-Ċkejkna Bambina. Xena mnaqqxa f’qalb kull Senglean, li tinsab ukoll irrakkuntata f’dan il-ktieb, hija dik ta’ meta ngħatat l-aħbar li l-Italja ċediet fit-Tieni Gwerra Dinjija, proprju fil-festa tal-Vitorja tal-1943, meta l-purċissjoni bil-Bambina kienet waslet ix-Xatt.

In-nannu jirrakkonta wkoll dwar l-inkurunazzjoni tax-xbieha devota ta’ Marija Bambina, proprju mitt sena ilu, kif ukoll dwar l-anniversarji li ġew iċċelebrati kull 25 sena minn din il-ġrajja storika u l-proġetti kbar li saru taħt it-tmexxija għaqlija ta’ diversi Arċiprieti.

Minkejja li dan il-ktieb huwa mmirat għat-tfal Sengleani, għandu jinżel tajjeb anki mal-kbar. U bħalma l-istorja tal-Isla ma tistax tinfired minn dik tal-Bambina, hekk ukoll l-istorja ta’ Malta ma tistax tinfired mill-kontribut siewi li tatha din il-Belt Invicta. Għaldaqstant dan il-ktieb għandu jkun fuq l-ixkaffa tat-tfal Maltin kollha interessati fl-istorja ta’ Malta u li għandhom għal qalbhom il-Madonna.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com