“Id-Diplomazija Tibqa’ L-Aqwa Għodda Biex Nirrisolvu L-Kunflitt” – Evarist Bartolo F’Antalya
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ħa sehem fil-Forum tad-Diplomazija ta’ Antalya dwar il-Lvant tal-Mediterran.
Huwa qal li Malta welldet il-Liġi Internazzjonali tal-Baħar, u li Malta tibqa’ favur li kull tilwim bejn pajjiż u ieħor dwar iż-żejt u l-gass fil-baħar għandu jiġi riżolt bin-negozjati u fil-qafas tal-liġi u mhux bl-użu tal-forza.
Il-Ministru Bartolo saħaq li Malta temmen ukoll li n-Nazzjonijiet Uniti m’għandhiex tiġi mdgħajfa permezz ta’ riżoluzzjonijiet li jitilfu s-siwi tagħhom għax tinbidel ir-realtà tas-sitwazzjoni u allura ma jibqgħux jgħoddu.
Tenna li jekk hemm bżonn jinbidlu r-riżoluzzjonijiet għandhom jinbidlu bi proċess fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u mhux billi jittieħdu passi unilaterali li jmorru kontra r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-Ministru Bartolo kkonkluda li d-diplomazija, il-paċenzja, il-ħila li tifhem lill-avversarju, it-tiftix għall-interess komuni, il-kompromess u r-rispett lejn xulxin jibqgħu l-aqwa armi – flok dawk tal-gwerra – biex jiġi solvut it-tilwim bejn il-pajjiżi.
Ritratt (MFEA)