Iktar Għarfien Fuq Il-Kapaċità Finanzjarja 

 Iktar Għarfien Fuq Il-Kapaċità Finanzjarja 

Ġie ffirmat ftehim ta’ sħubija strateġika bejn il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-UĦM Voice of the Workers sabiex il-partijiet jaħdmu flimkien permezz tal-pjattaforma tal-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja tal-gvern; ĠEMMA.

Dan bil-għan li naraw aktar titjib tal-kapaċità finanzjarja personali taċ-ċittadini Maltin matul l-perjodi kollha tal-ħajja, inkluż l-irtirar. Dan iwassal sabiex wieħed ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet finanzjarji aħjar u infurmati li jaqblu maċ-ċirkostanzi partikolari tal-persuna.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon stqarr li l-fatt li korpi u istituzzjonijiet importanti bħall-UĦM Voice of the Workers daħlu f’dawn is-sħubijiet strateġiċi ma’ ĠEMMA jindika l-ftehim dejjem akbar tal-partijiet interessati tas-soċjetà li jissieħbu mal-gvern biex inisslu kultura ta’ kapaċità finanzjarja f’Malta – b’mod partikolari minħabba l-korrelazzjoni qawwija bejn il-kapaċità finanzjarja, il-benesseri finanzjarju u l-benesseri tal-bniedem.

Il-Ministru Michael Falzon spjega kif 30% tal-popolazzjoni Maltija hija familjari ma’ ĠEMMA, u dawk li attivament ħadu sehem fil-portal, il-midja soċjali tagħha u riżorsi oħra żdiedu minn 9% għal 21% bejn Marzu tal-2020 u l-2021.

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, is-Sur Mark Musù, li hu responsabbli għat-tmexxija ta’ ĠEMMA, enfasizza wkoll li l-ħidma biex ninfilsaw u niżguraw il-kapaċità finanzjarja f’Malta hu għan soċjali – wieħed li fih il-gvern għandu jkollu rwol ewlieni, iżda għan li l-gvern waħdu ma jistax jilħaq. Is-Sur Musù esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan it-tip ta’ sħubija.

Wieħed jista’ jara’ il-pjattaforma tal-kapaċità finanzjarja ta’ ĠEMMA fuq is-sit www.gemma.gov.mt. 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com