Il-Fondazzjoni OASI Tiċċelebra it-30 Sena Anniversarju

 Il-Fondazzjoni OASI Tiċċelebra it-30 Sena Anniversarju

Il-bieraħ il-President ta’ Malta l-E.T. George Vella flimkien ma’ martu fost impenji li kellhom fil-gżira Għawdxija attendew għal ċerimonja ta’ ringrazzjament f’għeluq it-30 sena tal-Fondazzjoni OASI. Matul din il-ġurnata kien imfakkar ukoll il-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż tad-Droga. F’din iċ-ċerimonja il-President ta’ Malta l-E.T. George Vella onora lid-direttur ġenerali tal-Fondazzjoni Dun Emmanuel Cordina b’tifkira għas-snin ta’ servizz tiegħu lejn l-OASI u s-soċjetà.

F’diskorsi ta’ l-okkażjoni l-President ta’ Malta semma kif il-vizzju jinkludi mhux biss l-alkoħol u d-droga iżda numru kbir ta’ sustanzi u mġiba oħra li kollha jħallu impatt fuqna b’mod negattiv. Żied jgħid ukoll li l-OASI matul it-30 sena ta’ xogħol tagħha fis-Soċjetà ħalliet nifs ta’ tama u stil ta’ ħajja ġdid fin-nies li fittxew l-għajnuna.

L-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma enfasizza l-importanza li wieħed jistaqsi għall-għajnuna, speċjalment l-għajnuna psikoġika aktar milli jerġà lura għas-sustanzi, inkluża l-medikazzjoni, fejn dawn tal-aħħar għandhom dejjem jintużaw taħt id-direzzjoni tal-professjonisti. Huwa feraħ lill-Fondazzjoni OASI u lil Fr. Cordina għal din l-inizjattiva.

Dun Emmanuel Cordina id-direttur ġenerali tal-OASI enfasizza l-importanza li jkun hemm solidarjetà u rispett reċiproku bejn kulħadd. Irringrazzja lill-Knisja talli pprovdiet l-art għall-premessa tal-OASI, il-Ministeri u l-entitajiet tal-Gvern għall-appoġġ tagħhom kif ukoll lill-benefatturi, lid-diretturi u lill-ħaddiema kollha.

Noel Xerri, il-kap eżekuttiv tal-fondazzjoni, semma kif l-OASI matul is-snin rat it-tipi ta’ drogi fis-soċjeta Maltija jinbidlu u jiżdiedu fil-qawwa tagħhom. Huwa tkellem dwar id-danni li rriżultaw permezz tan-normalizzazzjoni tad-drogi u enfasizza l-isforz li l-fondazzjoni wettqet matul is-snin f’servizzi ta’ prevenzjoni, trattament u riabilitazzjoni. Filwaqt li rrefera għas-267 każ li matul l-2020 bdew il-proċessi ta’ trattament tagħhom fi ħdan l-OASI, huwa semma kif il-Fondazzjoni ilha snin twissi lis-soċjetà dwar l-użu tad-droga u l-istil ta’ ħajja.

L-Onor. Ministru għal Għawdex,  Clint Camilleri ddeskriva kif ra u mess l-effetti pożittivi tas-servizzi tal-Fondazzjoni fit-trattament u r-riabilitazzjoni. Żied jgħid li l-OASI qed tagħmel impatt pożittiv dirett fis-soċjetà Maltija u Għawdxija.

L-Onor. Claudette Buttigieg, qasmet l-esperjenzi  tagħha permezz ta’ l-involviment tagħha mal-Fondazzjoni  OASI. Żiedet tgħid li tinsab imħassba dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis u qed titlob biex isir aktar riċerka dwar il-kannabis qabel ma jgħaddu xi liġijiet.

L-Onor. Ministru Justyne Caruana, l-Onor. Dr Kevein  Cutujar  u l-Onor. Dr Joseph Ellis kienu preżenti wkoll għal din għaċ-ċerimonja.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com