Il-Gvern Ordna L-Booster Tal-Vaċċin Għal Dis-Sena, Is-Sena D-Dieħla U L-2023
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-Gvern ordna l-booster tal-vaċċin għal din is-sena, id-dieħla u l-2023.
Chris Fearne kien qed jitkellem fil-Parlament fejn iddiskuta l-estimi finanzjarji tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Chris Fearne qal ukoll li fl-24 siegħa li ġejjin 60 fil-mija tal-adulti se jkunu tlaqqmu biż-żewġ dożi waqt li 77 fil-mija se jkunu mlaqqma bl-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Il-Ministru Fearne qal li l-pandemija ħalliet effett fuq is-saħħa mentali tal-popolazzjoni b’żieda fil-każijiet ta’ ansjetà, dipressjoni u solitudni fid-dinja u f’Malta. Huwa qal li fost l-aktar li ntlaqtu hemm il-ħaddiema tas-saħħa li ħadmu direttament biex jiffaċċjaw il-mard marbut mal-infezzjonijiet maħluqa mill-pandemija.
Huwa qal ukoll li l-Gvern qed jiftaħ l-attivitajiet b’mod ikkontrollat biex jevita sogri kbar waqt li jkompli jnaqqas ir-restrizzjonjiet fosthom li mix-xahar id-dieħel sa żewġ persuni flimkien fil-pubbliku ma jkunux jeħtieġu li jilbsu l-maskra jekk ikunu mlaqqma biż-żewġ dożi.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Stephen Spiteri rrikonoxxa li l-pandemija ġabet żieda fid-dinja u f’Malta ta’ każijiet ta’ ansjetà, stress u dipressjoni u jista’ jkun li kien hemm suwiċidji relatati ma’ dan. It-tabib Spiteri qal li ġiet affettwata is-saħħa mentali tal-frontliners fil-pandemija.