Il-Kampanja Nazzjonali ‘Water-Be The Change’ F’Għawdex
Aktar minn 12,000 familja f’ Għawdex se jkunu qed jirċievu l-kits għall-konservazzjoni tal-ilma hekk kif il-kampanja nazzjonali għall-konservazzjoni, L-Ilma – Ibda Minnek (Water-Be The Change), issa waslet f’Għawdex ukoll.
Dan ħabbruh il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, il-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet għat-tnedija ta’ dan is-servizz f’Għawdex.
Kull resisdenza se tirċievi voucher u gift pack id-dar tagħha, li mbagħad jissarraf f’kit għall-iffrankar tal-ilma mill-mobile unit li jkun armat fil-lokalità matul dik il-ġimgħa.
Il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat l-importanza ta’ bidliet żgħar fil-ħajja tagħna ta’ kuljum biex iwassal għal bidliet konsiderevoli.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri faħħar il-ħidma ta’ din il-kampanja fejn anke minn età żgħira, inrawmu lit-tfal tagħna jibżgħu għall-ilma u ma jaħlux.
Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €24.4 miljun, li minnhom €21.2 miljun ġejjin minn fondi Ewropej.
B’kollox f’din il-kampanja se jitqassmu madwar 100,000 water saving kits li fihom wieħed jista’ jsib oġġetti biex nippreservaw l-użu tal-ilma.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qed nkunu aktar qrib in-nies biex flimkien nieħdu ħsieb ir-riżorsa tal-ilma li hija tant importanti għalina.
Il-kampanja hi mmexxija mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli u hi kofinanzjata minn fondi Ewropej taħt proġett ta’ koeżjoni.