Il-Kantawtriċi Amber Tniedi Album Ġdid – ‘1991’
Il-ġimgħa li għaddiet Amber iċċelebrat għeluq sninha – 30 – infatti t-tiltu ‘1991’ huwa s-sena tat-twelid tagħha. Xtaqet taqsam din iċ-ċelebrazzjoni mas-segwaċi tagħha permezz ta’ album.
‘1991’ fih tnax -il silta li jinkludu ‘’Free nanna’s song’’, ‘’Alive’’, kif ukoll l-iktar silta riċenti ‘’Put Away Your Money’’ li kienet telgħet fil-quċċata tac-charts lokali. L-album għandu ħoss li jfakkrek fil-mużika popolari taż-żmien tad-disgħinijiet iżda fih ukoll stili oħra li flimkien mal-vuċi distintiva t’Amber jagħti xejra unika.
Kważi s-siltiet kollha fuq dan l-album ġew miktuba kemm lirikament kif ukoll mużikalment minn Amber stess u għaldaqstant huwa tant għal qalbha.
Amber saħqet:‘’ Il-ħidma fuq dan l-album kien vjaġġ sabiħ u għal qalbi. Il-fatt li kelli ċ-ċans u l-opportunità li nkun nista’ nikteb is-siltiet jien stess fissret li stajt nesperimenta b’ġeneri ta’ mużika differenti li bla dubju għenietni biex nikber iktar bħala artista.’’
‘1991’ ġie mniedi taħt WickedandLoud records u Believe Music fuq il-pjattaformi diġitali kollha mil-llum.
Segwu: