Il-MEP Alex Agius Saliba Nkarigat Mit-Tneħħija Tat-Tariffi Tar-‘Roaming’ Wara L-2022

 Il-MEP Alex Agius Saliba Nkarigat Mit-Tneħħija Tat-Tariffi Tar-‘Roaming’ Wara L-2022

Il-MPE Alex Agius Saliba nħatar mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiku bħala n-negozjatur politiku għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur dwar l-estensjoni tal-projbizzjoni attwali fuq it-tariffi tar-roaming wara l-2022.

Iċ-ċittadini Ewropej ilhom mill-2017 igawdu minn projbizzjoni fuq ir-roaming li tippermettilhom li jkunu konnessi kullimkien fl-Unjoni Ewropea, mingħajr spejjeż addizzjonali. In-nies issa jistgħu faċilment jużaw il-mowbajls tagħhom għal telefonati, SMS u data meta jivvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea, bħalma jagħmlu f’pajjiżhom. Ir-Regolament dwar ir-roaming ġie miftiehem għal ħames snin u għandu jiskadi f’Ġunju 2022. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta ġdida biex testendi l-projbizzjoni attwali fuq it-tariffi tar-roaming madwar l-Unjoni għal għaxar snin oħra.

B’reazzjoni għal din l-aħbar, ix-“shadow rapporteur” tal-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Alex Agius Saliba, qal li t-tneħħija tar-roaming hija waħda mis-suċċessi l-aktar rikonoxxuti miċ-ċittadini tal-Unjoni.

“Nittama li nistgħu nużaw dan il-proċess biex intejbu r-rekwiżiti kuntrattwali u tal-ħarsien tal-konsumatur u niżguraw li n-nies jiksbu l-kwalità li jħallsu għaliha. Jeħtieġ ukoll li nintroduċu limiti ta’ qtugħ ċari sabiex il-konsumaturi jkunu infurmati meta jilħqu ċertu limitu waqt li jkunu barra minn pajjiżhom, u fl-istess ħin jibqalhom aċċess liberu għal servizzi ta’ valur soċjali bħal servizzi mediċi ta’ assistenza mhux ta’ emerġenza u servizzi oħra ta’ assistenza. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, nemmen li għandna nżidu netwerks mhux terrestrijali sabiex in-nies ikunu konnessi anki fl-ajruplani u l-bastimenti, bħal dgħajjes u laneċ, mingħajr ħlas żejjed.” qal il-MPE Agius Saliba.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com