Il-Ministru Evarist Bartolo Jikkummenta Dwar Il-Proċess Tal-FATF

 Il-Ministru Evarist Bartolo Jikkummenta Dwar Il-Proċess Tal-FATF

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo dalgħodu qasam il-ħsieb tiegħu fuq il-midja soċjali dwar il-mod ta’ kif qiegħed jiġi trattat pajjiżna. Il-Ministru Bartolo spjega li hemm modi diversi kif tweġġa’ poplu u m’hemmx biss il-mod fiżiku. Gżiritna minħabba d-daqs tagħha għandha l-iżvantaġġi tagħha fosthom il-fatt li bilfors irridu nużaw mezzi ta’ trasport bil-baħar u bl-arju sabiex isir kuntatt mal-bqija tad-dinja. Il-Ministru Bartolo spjega li b’hekk f’kollox jidħlu l-ispejjeż tal-ġarr. 

Tkellem kif bil-passi li ħaddieħor jista’ jieħu, jagħmilha iktar diffiċli sabiex jinġib l-investiment, jinħoloq ix-xogħol u l-ġid f’pajjiżna. Dawn huma importanti għaliex iwasslu sabiex poplu jkollu skejjel, sptarijiet, penzjonijiet u għixien ta’ livell għoli. 

Il-Ministru Bartolo jisħaq li ninsabu f’jiem delikati ħafna fir-rigward tal-futur tal-poplu Malti. Il-Financial Action Task Force (FATF) bħalissa qiegħda tifli l-ħidma li wettaq pajjiżna biex ma jintużax għall-ħasil ta’ flus u biex jiffinanzja t-terroriżmu. 

Il-Ministru Bartolo aċċena għal fatt li Malta diġà għaddiet minn eżami simili, dak tal-MONEYVAL u jikkwota x’kitbet il-MONEYVAL lil pajjiżna fis-7 ta’ Mejju ta’ din is-sena; “Overall, on behalf of MONEYVAL, I would like to congratulate Malta for the very positive progress made with the technical deficiencies identified in the 2019 mutual evaluation report and for being among the first MONEYVAL members, which has brought all 40 FATF Recommendations to a level of ‘largely compliant’ and ‘compliant’.”

Il-Ministru Bartolo jispjega li b’dan iċ-ċertifikat sabiħ tkellmu ma’ pajjiżi oħra li huma fil-FATF li qegħdin jeżaminaw lil Malta fejn sabu appoġġ kemm minn pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn pajjiżi li m’humiex.

Iżda skont ftit pajjiżi fil-FATF “Malta m’għamlitx biżżejjed kontra l-ħasil ta’ flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu u jridu jikkastigaw lin-nies kwieti, bieżla u onesti li żgur ma jaħtu xejn”, stqarr il-Ministru Bartolo.

Ritratt: Iran News Wire

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com