Il-Partit Nazzjonalista Jitkellem Dwar Id-Delizzju Tal-Insib
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-bżonn t’aktar għaqal u expertise teknika fl-implimentazzjoni tal-possibilitajiet li tagħti d-direttiva Ewropea fir-rigward tad-delizzju tal-insib.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li d-delizzju tal-insib reġa’ spiċċa quddiem il-Qorti Ewropea minħabba nuqqas ta’ għaqal mill-Gvern li jrid jimplimenta dawn il-liġijiet.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan id-delizzju għandu jiġi pprattikat mingħajr il-ħtieġa ta’ konfrontazzjoni kontinwa u esprima solidarjeta’ man-nassaba li jridu jipprattikaw id-delizzju tagħhom fi kwadru ta’ sostennibilità fit-tul. Saħaq li ser jaħdem sabiex jiġu esplorati l-possibiltajiet kollha li tagħti d-Direttiva Ewropea bħal ma jsir f’pajjiżi oħra.
Il-Partit Nazzjonalista spjega kif id-delizzji jistgħu jiġu prattikati fi kwadru ta’ liġijiet ċari b’implimentazzjoni tajba għaliex mill-konfrontazzjoni kontinwa jgawdi biss min jikser il-liġi u jbati d-dilettant u min irid igawdi l-ambjent.
Il-Partit Nazzjonalista appoġġja l-inizjattivi tad-dilettanti bl-għan li jkun hemm iktar għarfien dwar l-għasafar li jpassu minn Malta u jaqbel fil-prinċipju m’insib għal skopijiet xjentifiċi u ma’ delizzju sostenibbli skond ir-regoli.
Ritratt: TVM