Il-PN Jappella Lill-Gvern Biex Jieqaf Jagħmel Ħsara Lir-Reputazzjoni Ta’ Pajjiżna

 Il-PN Jappella Lill-Gvern Biex Jieqaf Jagħmel Ħsara Lir-Reputazzjoni Ta’ Pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija nnota l-aħbar illi ħarġet illum illi pajjiżna għadu qed jiffaċċja theddida serja ta azzjonjiiet legali kontrieh mill-Unjoni Ewrpeja kawża tal-iskema ta bejgħ ta’ passaporti li mbarka fuqha, b’mod irresponsabbi l-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista issa ilu s-snin jappella lill-Gvern sabiex fil-materja delikata ta’ ċittadinanza, il-Gvern juża kawtela, trasparenza, serjetá u proċessi rigorużi li permezz tagħhom persuna tingħata u mhux tixtri ċ-ċittadinanza Maltija. Il-PN ilu s-snin jiġbed l-attenzjoni tal-Gvern illi l-iskema ta bejgħ ta’ passaporti kif mħaddma minnu kienet waħda illi kissret ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Li tali skema kif imħaddma wasslet biex persuni, mingħajr wisq skrutinju, u mingħajr ebda konnessjoni ġenwina ma’ pajjiżna, spiċċaw ingħataw ċittadinanza Maltija u allura ċitttadinanza Ewropea. Illum pajjiżna qed ibati l-konsegwenzi tal-aġir irresponsabbli tal-Gvern mmexxi minn Robert Abela.

Fi stqarrija, Il-Kelliem għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza Beppe Fenech Adami saħaq li l-PN għal darb’ohra jappella lill-Gvern sabiex jieqaf milli jkompli jagħmel hsara lir-reputazzjoni ta pajjiżna. F’dinja ta’ kompetizzjoni kbira, f’dinja globalizzata, r-reputazzjoni tal-pajjiż hija l-fus li fuqu jiddependu l-impjiegi ta’ eluf ta’ Maltin.

L-Oppożizzjoni tibqa’ disposta li tkompli tagħmel il-parti tagħha, b’responsabiltá sabiex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna terġa’ tilħaq il-livelli għolja li jixirqilha. B’hekk biss nistgħu nibnu paġna ġdida fejn is-serjetá, t-trasparenza u t-tmexxija tajba jkunu is-siesien li fuqhom tinbena l-ekonomija Maltija.

Min-naħa l-oħra il-Partit Nazzjonalista qal li jaqbel ma’ proċess trasparenti bbażat fuq meritokrazija wara li l-applikant ikun laħaq il-kriterji pertinenti. Il-Partit Nazzjonalista jikkommetti lilu nnifsu li jwettaq proċess trasparenti li jneħħi kull segretezza dwar l-identitá tal-applikant u għalhekk dawk li jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija fi kwalunkwe skema, l-ismijiet tagħhom isiru pubbliċi. Il-Partit Nazzjonalista jemmen u jikkommetti lilu nnifsu lejn proċess aktar rigoruż li jsir mill-entitajiet kompetenti. Il-Partit Nazzjonalista jassigura wkoll li jara li jkun hemm rabta ġenwina tal-applikant ma’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista hu wkoll kommess li jara li dawk li jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija ikun konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea filwaqt li jkunu rispettati l-erba’ libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com