Il-PN Jinsisti Li L-Bniedem Ikun Fiċ-Ċentru Tal-Politika – Bernard Grech
Ladarba jemmen li l-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru tal-politika, il-Partit Nazzjonalista ma jridx iħares biss lejn is-saħħa fiżika, iżda wkoll lejn is-saħħa mentali. Hu għalhekk li Gvern ġdid Nazzjonalista jara li titneħħa l-istigma li għandu l-Isptar Monte Carmeli, kif ukoll li kulmin ikollu bżonn jidħol fi sptar, isib post attrrezzat bl-għodda li tixraq għaż-żminijiet tal-lum.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista telefonika li saritlu fuq NET FM meta kien qed jitkellem dwar il-proposta tal-Partit immexxi minnu li jinbena sptar ġdid għas-saħħa mentali.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta diversi proposti wara li ltaqa’ man-nies u mal-istakeholders kollha fis-settur. U dan għax jemmn li s-suġġett tas-saħħa mentali hu importanti ħafna, partikolarment issa li qed taffettwa aktar nies bl-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.
Kompla li hu għalhekk ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jinħoloq Dipartiment tal-Emerġenza speċifiku u adattat għal min ikollu bżonnijiet ta’ saħħa mentali.
Mistoqsi minn Errol Cutajar dwar il-mod kif ix-Xandir tal-Istat spiċċa magna ta’ propaganda f’idejn il-Gvern ta’ Robert Abela, Bernard Grech qal li ħafna mhux jaqblu mal-mod kif dan qed isir. Hu fakkar kif anke deċiżjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir qed jiġu injorati.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna l-importanza li l-Partit jissaħħaħ internament, filwaqt li jiġġedded u jinfetaħ ħalli jagħti spazju veru lil kulħadd. Madankollu, hu qal li fil-Partit Nazzjonalista trid tinbidel l-attitudni biex jirriġenera ruħu fl-ideat.
U dwar l-iżvilupp u l-ambjent, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jemmen li dawn jimxu id f’id għax filwaqt li l-iżvilupp raġjonevoli hu wieħed mill-fatturi importanti biex l-ekonomija tal-pajjiż tkun tista’ timxi ‘l quddiem, dan m’għandux isir għad-dannu tal-ambjent rurali, urban u oħrajn li kull wieħed u waħda minna ngħixu fihom.