Il-Proġett Tad-db Wieħed Mill-Agħar Proġetti Proposti – Graffitti

 Il-Proġett Tad-db Wieħed Mill-Agħar Proġetti Proposti – Graffitti

Il-Moviment Graffitti f’konferenza tal-aħbarijiet qal li l-proġett propost mill-Grupp DB huwa wieħed mill-agħar proposti li qatt ġew proposti fil-gżejjer Maltin u spjega li għaddew erba’ snin minn dawn il-proposti ta’ binijiet massiċi fuq art pubblika.

Matul il-konferenza stampa li kienet imsejħa mir-residenti ta’ Pembroke, numru ta’ għaqdiet mhux governattivi, u l-Kunsilli Lokali ta’ San Ġiljan u s-Swieqi, ġie spjegat li l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke dejjem oġġezzjona għal dan il-proġett, u għadu kontrih iżda ma kienx ikun għaqli li jipparteċipa f’din il-konferenza meta l-Ħamis se jkun qiegħed jivvota fil-laqgħa tal-Bord li se tkun qed tiddeċiedi dan il-proġett.

Il-Moviment Graffitti spjega li fl-2018, il-proġett kien approvat mill-Bord tal-Ippjanar. Wara numru ta’ proċeduri legali minn diversi għaqdiet, it-tliet Kunsilli Lokali u bosta residenti rnexxielhom jirbħu kawża l-Qorti li ħassret dan il-permess lill-Grupp DB.

Il-Moviment Graffitti spjega li wara ħafna tibdil fil-pjanijiet, il-Grupp DB preżenta pjanti ġodda li jikkonsistu f’lukanda ta’ 12-il sular u żewġ torrijiet residenzjali ta’ 17- u 18-il sular il-wieħed u dan fisser tibdil minimu fid-daqs totali tal-proġett.

“Għal darba oħra numru t’għaqdiet u t-tliet Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan u Swieqi, flimkien ma’ eluf ta’ nies, oġġezzjonaw għal dan il-proġett. Fuq medda ta’ erba’ perjodi ta’ oġġezzjoni, il-pubbliku ressaq rekord nazzjonali ta’ madwar 17-il elf rappreżentazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar,” spjega l-Moviment matul il-konferenza tal-aħbarijiet. Saħqu li jinsabu diżappuntati bir-rapport tal-case officer tal-PA li qiegħed jirrakkomanda l-approvazzjoni ta’ dan il-proġett.

Il-Moviment saħaq li dan huwa wieħed mill-agħar proġetti li qatt ġew proposti fil-gżejjer Maltin mhux biss se jkun qed jieħu art pubblika iżda d-daqs sproporzjonat tiegħu fl-inħawi sensittivi. Andre Callus f’isem il-Moviment Graffitti kompla li biswit il-proġett jinsabu żewġ siti ta’ importanza ekoloġika kbira, tant li huma siti ddeżinjati bħala Natura 2000. Żied li fil-post innifsu fejn huwa propost li jitla’ l-proġett hemm żewġ siti skedati li bil-liġi suppost jingħataw protezzjoni kbira ħafna: il-barracks ta’ San Ġorġ u Għar Ħarq Ħamiem.

Ir-residenti appellaw lill-Bord tal-Ippjanar biex jirrifjuta dan il-proġett jekk verament iħares lejn ippjanar ġust u sostenibbli, lejn il-ħarsien ambjentali u lejn il-kwalità tal-ħajja ta’ eluf ta residenti u viżitaturi.

Din il-konferenza stampa ssejħet mill-Kunsill Lokali San Giljan, Kunsill Lokali Swieqi, ACT, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Rota, Sustainable Built Environment Malta, The Archaeological Society Malta.

W

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com