Imnedija Skema Biex Is-Soċjetajiet Mużikali Jsiru Aktar Inklussivi
Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja nieda skema li permezz tagħha s-soċjetajiet mużikali Maltin u Għawdxin se jiġu mgħejjuna finanzjarjament biex iwettqu proġetti li fost l-oħrajn itejbu l-aċċessibilità kif ukoll iżidu l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Din l-iskema qiegħda ssir b’investiment ta’ €100,000, b’kull soċjetà tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €10,000.
L-iskema tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli li qalet li s-soċjetajiet mużikali kellhom u għad għandhom rwol importanti fl-iżvilupp kulturali u soċjali f’pajjiżna, partikolarment fejn jidħlu l-festi tradizzjonali fl-ibliet u l-irħula tagħna. Apparti hekk, dawn is-soċjetajiet huma pilastru ewlieni fil-qasam tal-volontarjat fejn li ma kienx għas-sens ta’ volontarjat, dawn is-soċjetajiet ma jimxux. Soċjetajiet li qegħdin jikkontribwixxu bil-kbir għall-iżvilupp kulturali ta’ pajjiżna, partikolarment bit-tagħlim tal-mużika b’xejn lil tfal u żgħażagħ u l-organizzar tal-festi tradizzjonali tagħna.
Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li permezz ta’ din l-iskema se nkomplu nħaddmu fil-prattika d-determinazzjoni tagħna favur l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà. Din l-iskema hi parti minn numru ta’ inzjattivi li l-Ministeru qed jieħu sabiex tkompli tissaħaħ l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella, spjega kif biex soċjetà mużikali tkun eliġibbli li tipparteċipa f’din l-iskema trid tkun reġistrata mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u tkun konformi mal-liġi li tirregola s-settur volontarju fid-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet. Il-proġett li tressaq s-soċjetà mużikali jrid jippromwovi l-inklużjoni u l-aċċessibilità b’mod ħolistiku. Se tkun qed tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-proġetti innovattivi li jridu jkunu ta’ xprun għall-kumplament tal-komunità. Kriterju ieħor huwa li s-soċjetà mużikali trid tkun attiva kif ukoll reġistrata mal-Għaqda Każini tal-Baned.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jintlaqgħu online sal-Ġimgħa, 30 ta’ Lulju 2021. Aċċess għall-formola tal-applikazzjoni jista’ jinkiseb mis-sit https://inclusion.gov.mt
Ritratt: DOI / Clodagh O’Neill