Imniedi Proġett Pilota Ta’ Testijiet Ta’ Smigħ Bla Ħlas

 Imniedi Proġett Pilota Ta’ Testijiet Ta’ Smigħ Bla Ħlas
Fil-ġranet li ġejjin, residenti minn diversi lokalitajiet se jipparteċipaw fi proġett pilota fejn se jsirilhom test tas-smigħ bla ħlas bil-għan li jkunu identifikati minn kmieni problemi ta’ nuqqas ta’ smigħ.
Dan il-proġett se jitmexxa mill-Assoċjazzjoni tal-Awdjoloġisti Maltin b’kampjun ta’ madwar 500 test, u se jkun qed isir fuq inizjattiva tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba.
F’konferenza tal-aħbarijiet waqt it-tnedija tal-proġett pilota, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli semmiet kif madwar 1.4% tal-popolazzjoni Maltija għandha problema tas-smigħ fuq livelli varji. Fissret kif din l-inizjattiva hija marbuta mal-kampanja ‘Hearing Care for All’ – it-tema magħżula għal din is-sena mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li wara li ntbagħat fuljett informattiv dwar dan il-proġett f’diversi rħula, l-interess tal-pubbliku kien wieħed qawwi, tant li wara ftit ġranet, is-sessjonjiet kienu diġà mimlija kollha. Kien għalhekk li saru arranġamenti biex jiżdiedu żewġ sessjonijiet oħra li se jsiru lejn l-aħħar ta’ Settembru u li d-dettalji dwarhom se jitħabbru aktar ‘il quddiem.
Il-ministru tkellmet dwar il-ħidma li għaddej biha l-gvern f’dan il-qasam, fost affarijiet oħra bit-twaqqif ta’ dipartiment ġdid tal-awdjoloġija fl-Isptar Mater Dei u l-bidu ta’ Cochlear Implant Programme.
“Bħala l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, qed nikkontribwixxu wkoll fit-tfassil tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Iscreening tat-Tfal, biex f’każ ta’ problemi tas-smigħ, dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati mill-aktar kmieni possibbli”, sostniet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.
Min-naħa tiegħu l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba saħaq li permezz ta’ dan il-proġett pilota qed nibdew naraw li f’pajjiżna nkomplu nqajmu aktar kuxjena dwar il-bżonn li nagħmlu aktar testijiet regolari anke fejn jidħol is-smigħ sabiex nibqgħu naraw li jkollna ħajja sana.
Dr Agius Saliba saħaq li dan il-proġett huwa wieħed minn kullana ta’ inizjattivi li qed jaħdem fuqhom anke fuq bażi Ewropea bħala President tal-Forum dwar is-Saħħa tas-Smigħ tal-Unjoni Ewropea. Huwa fakkar li 60% tat-telf tas-smigħ fit-tfulija jseħħ minħabba kawżi li jistgħu jiġu evitati. Għalhekk għandna nenfasizzaw l-importanza ta’ skoperta u interventi bikrija li jwasslu għal aċċess aħjar għall-edukazzjoni u kwalità ta’ ħajja aħjar għat-tfal u l-familji tagħhom.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba fakkar ukoll li madwar 22.6 miljun ċittadin Ewropew għandu smigħ mhux trattat.
Dr Andrew Sciberras, f’isem l-Assoċjazzjoni tal-Awdjoloġisti Maltin, saħaq dwar l-importanza li persuna tiċċekja s-smigħ b’mod regolari ħalli tingħata l-għajnuna u t-trattament neċessarju. Spjega kif it-testijiet tas-smigħ huma faċli biex isiru u ma jinvolvux skumdità.
Dr Sciberras tkellem dwar ir-rwol tal-Assoċjazzjoni li żżid it-tagħrif dwar in-nuqqas tas-smigħ fost il-pubbliku u li tagħmel ċert li l-kura fejn jidħol s-smigħ issir minn nies kwalifikati u tkun ta’ livell għoli.
Ritratt: DOI / Omar Camilleri
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com