“Inutli Jkollok Liġijiet U Ma Jkunux Infurzati U Politiċi Li Jagħmlu Li Jridu” – Bernard Grech
Il-Kap tal-Opożizzjoni Bernard Grech kien intervistat il-Ħadd filgħodu fuq NET FM fejn tkellem dwar il-greylisting ta’ pajjiżna u saħaq li din kienet aħbar li ħasbet lill-poplu.
Tenna li ser ikun hu bħala Kap tal-Opożizzjoni li jisma’ lill-korpi kostitwiti u l-istakeholders biex jara li jittieħdu l-passi li pajjiżna għandu bżonn jieħu “Għax inutli jkollok il-Liġijiet jekk dawn ma jkunux infurzati jew ikollok politiċi li jibqgħu jagħmlu li jridu.”
Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista ilu jwissi b’dak li qed jiġri u li se jwassal għal danni kbar fil-konfront ta’ pajjiżna bir-riżultat li mill-pjanijiet tal-Gvern, kienu qed igawdu biss nies li ħakmu l-PL.
Tenna wkoll li Robert Abela huwa kontinwità ta’ dak li kien għaddej għaliex beża’ jieħu deċiżjonijiet li setgħu evitaw din is-sitwazzjoni “f’konferma oħra li dak li ġara kien biss it-tort tal-Partit Laburista.”
Bernard Grech qal li dan huwa żmien kruċjali fejn kulħadd jagħti sehemu. Qal ukoll li l-PM mhux isib kuraġġ idur fuq il-PN biex jitolbu għajnuna, anzi bil-kontra. “Bħalissa, interess wieħed għandu jkollna; pajjiżna u xogħol eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jistgħu jbatu l-konsegwenzi ta’ dan ir-riżultat”, temm jgħid Grech.
Ritratt: Net News