Investiment Fiċ-Ċentru Ċiviku Tar-Rabat

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg inawgura investiment li sar fiċ-Ċentru Ċiviku tar-Rabat, investiment ta’ madwar €60,000 b’xogħlijiet imwettqa mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Il-Ministru Ian Borg faħħar il-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u saħaq fuq l-importanza li jkollna spazji ta’ kwalità għolja fejn il-komunitajiet ikunu jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu l-ħin liberu tagħhom.

Il-Ministru Ian Borg fakkar li “ f’post bħal dan jingħataw servizzi importanti għas-saħħa u għalhekk huwa essenzjali li jkollna binja adegwata sabiex dawn is-servizzi jingħataw fl-aqwa kundizzjonijiet. Bħala gvern, ninsabu kommessi li nibqgħu naħdmu u nwettqu aktar xogħlijiet u proġetti bħal dawn sabiex naraw li kull sfera fis-soċjetà, mill-kbir saż-żgħir, tibbenefika minn kwalità tal-ħajja aħjar.”
Ix-xogħlijiet li twettqu jinkludu xogħol ta’ tibjid, tqegħid ta’ membrane fuq il-parti tal-lift, applikazzjoni ta’ liquid membrane fuq is-saqaf kollu, tneħħija ta’ wires minn mal-ħitan, tibdil ta’ lampi qodma u dwal li ma jaħdmux ma’ oħrajn tat-tip LED għal aktar effiċjenza, u installazzjoni ta’ sensor f’kull sular quddiem il-bieb tal-lift biex jinxtegħel id-dawl. Bħala parti mill-proġett ġie ukoll installat lift.
