Investiment Ta’ €1 Miljun Għal Green Roof Fuq Il-Liċeo Tal-Ħamrun
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar li se jiġi installat green roof miftuħ għall-pubbliku fuq il-bejt tal-Liċeo fil-Ħamrun permezz ta’ investiment ta’ aktar minn miljun ewro. Dan il-proġett ħa jkun qed jiġi implimentat mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.
Il-proġett huwa parti mill-inizjattiva ‘Inħaddru Pajjiżna’ u qed ikun possibbli permezz ta’ fondi minn Ambjent Malta u mill-Awtorità tal-Ippjanar.
L-interventi se jkunu jinkludu l-ħolqien ta’ green roof, it-tisħiħ tal-istruttura tas-saqaf, il-kostruzzjoni ta’ ġibjun u tisbiħ u għamara għal barra. Se jitħawlu wkoll diversi siġar u arbuxelli.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan il-proġett se jservi bħala turija biex jinkoraġġixxi aktar proġetti bbażati fuq dan il-kunċett innovattiv. Huwa spjega li l-Forum Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti ħejja studju li sab bosta benefiċċji għal ġonna vertikali u green roofs: it-titjib tal-kwalità tal-arja, it-tnaqqis tat-tniġġis mill-istorbju, li jservi bħala stepping stone ekoloġiku potenzjali għall-insetti u għall-pollinaturi bejn ambjenti rurali u urbani u tikkontribwixxi għal mikroklimi aktar friski.
Il-Ministru tenna li interventi bħal dawn jagħtu valur estetiku liż-żoni urbani tagħna, itejbu l-ambjent u jipprovdu spazju miftuħ ieħor fil-komunità, partikolarment fi bliet urbanizzati ħafna bħall-Ħamrun.
Ritratti: MECP