Investiment Ta’ €14-Il Miljun Fil-Kumpless Ta’ Bay Street

 Investiment Ta’ €14-Il Miljun Fil-Kumpless Ta’ Bay Street

Il-Prim Ministru, Robert Abela flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo dalgħodu żar il-kumpless ta’ Bay Street wara proġett ta’ mmodernizzar li sar matul l-aħħar 15-il xahar, b’investiment ta’ €14-il miljun. Dan il-proġett se joffri 28 stabbiliment tan-negozju ġdid.

“Meta ftit tal-jiem ilu preżentajt l-istrateġija ekonomika tal-pajjiż għall-għaxar snin li ġejjin, spjegajt kif wara snin fejn ħdimna biex nilħqu l-medja, issa rridu mmorru għall-eċċellenza”, qal il-Prim Ministru waqt li segwa t-trasformazzjoni ta’ dan il-kumpless, wara 20 sena mill-ftuħ uffiċjali tiegħu f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li investituri bħal dawn jibdlu l-ħolm f’realtà, “Għax nies bieżla u ambizzjużi. B’hekk b’dak li qed ninawguraw illum għandna eżempju ċar ta’ għaliex għandna nkunu tant ottimisti dwar il-ġejjieni.”

Il-Prim Ministru aċċena għal miżura tal-wage supplement, pakketti finanzjarji li jolqtu s-settur turistiku u l-iskema tal-vawċers, li lkoll kienu ta’ spalla għan-negozji.

“Meta fil-bidu tal-2020 pajjiżna, bħal kumplament tad-dinja beda jiffaċċja pandemija, forsi kien hemm min beża’ li f’kumpless bħal dan se nkunu qed nitkellmu fuq kemm ħwienet se jniżżlu x-shutter darba għal dejjem. F’dan il-każ min niżżel ix-shutter għamel dan għal ftit ġimgħat biex jinvesti u minflok illum qegħdin hawn ninawguraw investiment ġdid”, sostna l-Prim Ministru.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo qal li dan l-investiment huwa prova ċara ta’ kemm minkejja l-isfidi, is-settur tal-ospitalità baqa’ reżiljenti u kompla jinvesti fil-prodott turistiku. Il-Ministru Bartolo spjega li “Dan il-proġett jimxi id f’id mal-viżjoni tal-gvern li Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza turistika. Biex naslu għal din il-mira ambizzjuza, il-gvern u s-settur privat iridu jkomplu jaħdmu flimkien biex l-esperjenza turistika tkun waħda pożittiva”.

Il-Kap Eżeuttiv tal-Grupp Bay Street, Albert Galea, qal li dan l-investiment ta’ mmodernizzar sar konġunt bejn l-istabbilimenti u kif ukoll mill-grupp innifsu. Spjega kif dan sar meta pajjiżna kien qiegħed jiġġieled il-pandemija, “Il-ħwienet huma prattikament ġodda u l-kumpless għandu dehra kompletament ġdida. Permezz ta’ dan l-investiment, qed iniedu Bay Street bħala destinazzjoni għal familja kollha, b’ditti u ristoranti ġodda flimkien ma’ parkeġġ ġdid li jesa’ 230 vettura.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com