“Irid Jispiċċa Ż-Żmien Li Nibqgħu Nesportaw Il-Problemi Tal-Infertilità” – Rosianne Cutajar

 “Irid Jispiċċa Ż-Żmien Li Nibqgħu Nesportaw Il-Problemi Tal-Infertilità” – Rosianne Cutajar

Waqt diskors Parlamentari dalgħodu L-Onor. Rosianne Cutajar tkellmet fuq suġġetti sensittivi dwar il-bżonn li nkomplu l-mixja tal-progress fil-liġi tal-IVF ta’ pajjiżna. Hija saħqet li sa mill-bidu net dejjem kienet favur din il-liġi u li issa wasal iż-żmien sabiex nkomplu nkunu progressivi u nimxu għal pass li jmiss sabiex ma jibqgħux isiru inġustizzji ma nies.

L-Onor. Cutajar sostniet li min meta l-Gvern daħal din il-liġi dejjem żamm konsistenti fuq tlett prinċipji mportanti. L-bżonn li jiġi aġġornat is-servizz għal kull min jiġi bżonn, li jiġi eliminat kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq min jixtieq is-servizz tal-IVF, kif ukoll ir-rispett lejn il-ħajja.

Kompliet billi tgħid li l-gvern dejjem kien konvint sabiex imexxi din il-liġi anke jekk l-Oppożizzjoni kienet tkellmet kontra din il-liġi.

L-Onor. Rosianne Cutajar tenniet li l-infertilità hija kundizzjoni medika u bħal kull kundizzjoni oħra għanda bżonn il-kura għaliha. “Irid jispiċċa ż-żmien li nibqgħu nesportaw il-problemi tal-infertilità u li nibqgħu nimponu twemmin fuq ħaddieħor” żiedet Cutajar.

Waqt dan id-diskors l-Onor. Cutajar reġat qajmet l-argumenti tagħha dwar il-‘Preimplantation Genetic Diagnosis’ (PGD) fejn lura għal 2018 dan is-suġġett kien ġa ġie diskuss anke fil-parlament però sal-lum din l-emenda għada ma daħlitx.

Il-PGD huwa proċess fejn isir dijanjostika tal-embrijuni qabel jitpoġġew fl-utru tal-mara. Spjegat li dan isir sabiex jaraw jekk hemmx xi mard ġenetiku jew xi diżordni ġenetika, permezz ta’ dan il-proċess tiżdied il-possibilità’ li t-tarbija titwieled u tgħix b’mod tajjeb. Jekk għandu jkun hemm possibilità ta għażla bejn embrijun u ieħor, dan m’għandux jintuża biex jiddetermina is-sess tat-tarbija imma biex it-tarbija tkun tista’ titwieled b’saħħitha.

“Jien inweġġa meta nisma’ ċertu statements dwar il-PGD, inħoss li dan it-tip ta’ kliem ma jgħin xejn għax ikompli jitfa’ preġudizzju u stigma fil-konfront ta’ nies li jridu jirrikorru għal dan is-servizz” qalet Rosianne.

Kompliet id-diskors tagħha b’suġġett ieħor kontroversjali fejn l-Onor. Cutajar qalet li “iridu naħsbu ukoll f’dik il-mara li twieldet mingħajr utru u ma tistax iġorr tarbija, iridu naħsbu fihom dawn in-nies.” Kompliet tgħid “ma nistgħux noqodu nibqgħu ninħbew wara affarijiet li jikkonċernaw l-etika, t-twemmin u reliġjon. X’ħa ngħidu lil dawn in-nisa, ma tistgħux isiru ommijiet, kont sfortunata, aċċetta is-sitwazzjoni kif inhi ?

Rosianne Cutajar temmet id-diskors imqanqal tagħha billi talbet għal diskussjoni serja dwar dawn is-suġġetti diffiċli u li jkollna l-kuraġġ biex nitkellmu sabiex naħsbu f’dawn in-nies u jkollna alternattiva għal min jgħix din ir-realtà’. “Se nkomplu naħdmu sabiex kull persuna tkompli miexja ‘l quddiem u ssir ġustizzja ma kulħadd u ma niddiskriminaw lil ħadd.”

Dawn huma suġġetti li dejjem qajmu kontroversja f’pajjiżna, id-diskussjoni eterna bejn ix-xjenza u n-natura. Fid-diskors tagħha l-Onor. Rosianne Cutajar tkellmet b’mod determinat  biex dawn id-diskussjonijiet jerġgħu jqumu sabiex iwasslu għal aktar għarfien u li jwasslu sabiex isir l-emendi fil-liġi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com