Irrestawrat It-Teatru Miftuħ Fil-Każin Tas-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiæ F’Ħaż-Żabbar
B’fondi tal-Unjoni Ewropea mill-programm LEADER, u bl-assistenza ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, is-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiæ ta’ Ħaż-Żabbar irrestawrat teatru miftuħ, magħruf bħala l-Blue Arena, fil-każin stess, fejn inxtrat sistema li tipproteġi l-palk tat-teatru mill-elementi, kif ukoll sistema ta’ dawl li jixgħelu l-istess teatru waqt l-attivitajiet. Permezz tal-użu tal-fondi Ewropej, ir-restawr tal-faċċata tal-Blue Arena, li nbniet fl-1948, jiżgura li t-teatru jerġa’ jieħu l-bixra oriġinali tiegħu. Din il-faċċata kienet iddgħajfet maż-żmien minħabba diversi ħsarat mill-elementi naturali.
Fi żjara li għamel fuq il-post, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela seta’ jara kif qegħdin jintużaw il-fondi Ewropej fil-kuntest tar-rwol importanti tal-għaqdiet mużikali biex ikattru l-kultura u t-tagħlim tal-mużika fil-komunitajiet tagħna.
Is-Sur Mauro Xuereb, Segretarju Eżekuttiv tas-Soċjetà spjega kif ix-xogħol li qiegħed isir fit-teatru kkonsista fix-xiri u l-installazzjoni ta’ sistema ta’ shutters li jipproteġu t-teatru mill-elementi naturali tiżgura li l-parti ta’ ġewwa tal-palk titħares kemm jista’ jkun. Barra minn hekk l-installazzjoni ta’ dwal tippermetti l-użu tat-teatru bl-aktar mod sħiħ.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, Mandy Falzon, spjegat kif l-aġenzija tgħin għaqdiet f’dik l-imbuttatura li jkunu jeħtieġu biex japplikaw għall-fondi Ewropej, li mhux dejjem ikun faċli għalihom li jagħmlu. Falzon qalet ukoll li l-aġenzija introduċiet servizz ġdid ta’ assistenza fl-implimentazzjoni tal-proġetti b’fondi Ewropej.
Il-Ministru Carmelo Abela spjega kif l-Unjoni Ewropea, permezz tal-fondi tagħha, qiegħda hemm ukoll biex tgħin lill-għaqdiet mużikali jiksbu l-fondi neċessarji għat-twettiq tal-inizjattivi tagħhom. “Mill-2019 sal-lum l-SEM assistiet 25 każin tal-banda, inkluż l-Għaqda Każini tal-Baned biex japplikkaw għal fondi Ewropej. Ir-rata ta’ suċċess hija qawwija ħafna—minn 28 applikazzjoni sottomessi bejn l-2019 u l-2020 bl-assistenza ta’ SEM, 23 proġett minnhom kienu magħżula għall-fondi,” spjega l-Ministru Abela.
Il-Ministru tenna li SEM qed tgħin biex għaqdiet volontarji jiżviluppaw l-ideat tagħhom fi proġetti kompetittivi u anke biex jimlew l-applikazzjoni neċessarja. Iktar minn hekk, SEM issa qed toffri l-assistenza tagħha wkoll sabiex tgħin lil dawn l-għaqdiet jimplimentaw il-proġetti tagħhom.