Is-Sitt Jum Għat-Tim Nazzjonali Malti Fil-Kamp Tat-Taħriġ Fl-Awstrija

 Is-Sitt Jum Għat-Tim Nazzjonali Malti Fil-Kamp Tat-Taħriġ Fl-Awstrija

It-Tim Nazzjonali Malti t-Tlieta kompla jintensifika t-taħriġ tiegħu qabel il-logħba ta’ ħbiberija nhar il-ġimgħa kontra l-Kosovo fi Klagenfurt.

Wara t-telfa 3-0 kontra l-Irlanda ta’ Fuq il-Ħadd li għadda, l-plejers Maltin it-Tnejn inqasmu f’żewġ gruppi, dawk li bdew il-partita jum qabel baqgħu il-lukanda jagħmlu sessjoni ta’ recovery ġewwa, l-oħrajn fuq il-pitch, dan qabel mal-grupp kollu rritorna f’daqqa għal sessjoni ntensiva t-Tlieta filgħodu fuq il-kamp tat-taħriġ madwar żewġ kilometri biss il-bogħod mil-lukanda fejn il-plejers Maltin jinsabu alloġjati.

Kif diġa huwa magħruf, it-Tim Malti se jantiċipa r-ritorn tiegħu lura d-dar b’jumejn, mit-Tnejn tal-ġimgħa d-dieħla għal nhar is-Sibt, dan wara li minħaba raġunijiet li l-kontinġent Malti ma’ kellhux kontroll fuqhom, il-partita ta’ ħbiberija mal-Kazakhstan nhar it-Tnejn 7 ta’ Ġunju tħassret, bl-avversarji tagħna li ma’ ngħatawx il-permessi meħtieġa biex jagħmlu l-vjaġġ tagħhom lejn l-Awstrija.

Sadanittant l-avversarji tal-Maltin nhar il-ġimgħa, l-Kosovo, huwa tim b’saħħtu ferm, riċentament konna fil-grupp magħhom fl-ewwel edizzjoni tal-UEFA Nations League u rebħulna darbtejn, f’darna 5-0 f’Novembru 2018, xahar qabel 3-1 fi Pristina f’darhom.

Dakinhar il-gowl tal-Maltin skurjaħ id-difensur ta’ Hibernians Andrei Agius, li jekk jintgħażel għal-logħob nhar il-ġimgħa fi Klagenfurt mill-kowċ Nazzjonali Devis Mangia jkun qed jimmarka l-100 presenza tiegħu bil-flokk tat-Tim Nazzjonali Malti.

Malta kontra l-Kosovo, partita ta’ ħbiberija internazzjonali, nhar il-ġimgħa fis-6pm fil-Wörthersee Stadium ta’ Klagenfurt, l-Awstrija.

Il-kontinġent Malti mistenni lura d-dar fi tmiem dan il-kamp ta’ taħriġ twil għaxar t’ijiem fl-Awstrija, nhar is-Sibt li ġej wara nofsinhar.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com