It-Tnaqqis Tat-Taxxa Tal-Boll Se Jiġi Estiż Għal Proprjetajiet Li Ma Jaqbżux L-€400,000

 It-Tnaqqis Tat-Taxxa Tal-Boll Se Jiġi Estiż Għal Proprjetajiet Li Ma Jaqbżux L-€400,000

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li “Se nestendu l-miżura tat-tnaqqis tat-taxxa tal-boll għal proprjetajiet li ma jaqbżux l-€400,000.”

F’laqgħa li l-Prim Ministru kellu mal-Assoċjazzjoni Żviluppaturi Maltin, qal li huwa dejjem ta’ pjaċir li jisma’ l-imsieħba soċjali, filwaqt li stqarr li din l-Assoċjazzjoni waqt il-pandemija, kienet dejjem preżenti bi proposti kostruttivi.

“Li tirrappreżentaw intom huwa settur importanti u, konsegwentement, il-kontribut li qed jagħti lill-ekonomija huwa b’saħħtu ħafna,” qal il-Prim Ministru filwaqt li rrimarka kemm is-settur tal-kostruzzjoni jrid ikun preparat għall-pass li jmiss.

“Nemmen li s-settur tal-ambjent u dak tal-iżvilupp jistgħu jgħixu flimkien f’sinerġija u jikkumplimentaw lil xulxin. Fil-viżjoni ekonomika dejjem rajna dan il-bilanċ bejn it-trasformazzjoni ambjentali u dak tal-iżvilupp. Dak li wasalna għalih fl-enerġija, irridu naslu għalih fil-kostruzzjoni”, tenna l-Prim Ministru.

Dr Abela nnota kif il-proposti li ġew imnedija fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika ntlaqgħu bi ħġarhom u ħallew il-frott tagħhom; “Insemmi l-proposta li neqilbu l-makkinarju tal-kostruzzjoni għal wieħed iżjed effiċjenti. Li baxxejna t-taxxa tal-boll fuq il-bejgħ u x-xiri tal-proprjetà. Tant kemm rajna suċċess f’din il-miżura li għażilna li nestenduha mill-ġdid għal dawn l-individwi li jiffurmaw konvenju sa Diċembru ta’ din is-sena u sussegwentament ikunu preżenti għal kuntratt finali sa Ġunju tal-2022.”

Il-Prim Ministru jemmen li l-awtorità l-ġdida tal-kostruzzjoni se tkun effettiva sabiex ikompli jittejjeb il-livell f’dan is-settur.

Il-President tal-MDA s-Sur Sandro Chetcuti tkellem dwar l-importanza li l-miżura tat-tnaqqis tat-taxxa tal-boll tiġi estiża. Is-Sur Chetcuti qal li “Il-proposti li għamilna ġew milqugħin fi ftit ġimgħat u r-riżultati waslu wkoll. Dan l-istudju li qed nippreżentawlek illum jagħraf li l-bejgħ u x-xiri tal-konvenji żdied b’valur ta’ €1.4 biljun matul din l-aħħar sena”. Żied li l-industrija tal-kostruzzjoni firxet ħafna ġid u matul il-pandemija ħadmet ’il fuq minn 40,000 ruħ.

“Filwaqt li rridu naħdmu biex nindirizzaw l-isfidi ambjentali, irridu nifhmu li l-iżvilupp huwa sostenn dirett tal-ekonmija bi 11% dirett tal-valur miżjud li jista’ jikkontribwixxi biex il-gvern jgħin aktar setturi oħra,” qal is-Sur Chetcuti.

Il-President tal-MDA qal li, minkejja li l-volum tal-bejgħ kien daqshekk b’saħħtu, l-inċentivi ta’ dawn il-miżuri marru fil-but tal-konsumatur, u tenna li minn studju separat tal-KPMG irriżulta li l-prezz tal-proprjetà affordabbli ma għolietx għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar seba’ snin.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministri Aaron Farrugia, Ian Borg u Clyde Caruana flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com