Iweġġgħu Żewġt Irġiel Wara Argument F’San Ġiljan – Il-Pulizja Tfittex Grupp Ta’ Rġiel
Argument li seħħ matul il-lejl illi għadda f’San Ġiljan ħalla żagħżugħ ta’ 20 sena jsofri minn ġrieħi serji u ieħor, li l-età tiegħu għadha mhix magħrufa, bi ġrieħi gravi. Dwar dan il-każ, il-Pulizija qiegħda tfittex grupp ta’ irġiel li allegatament kienu involuti fl-istess argument.
Kienu għall-ħabta tat-2.45, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fix-Xatt ta’ San Ġorġ għax kien hemm raġel mitluf minn sensieh u ieħor kellu xi feriti.
Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjoni rriżulta li kien qam argument bejn żewġ Libjani u grupp ta’ irġiel oħra barranin, li kienu ħarbu minn fuq il-post.
Il-vittmi ngħataw l-assistenza minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan għaddejja bl-investigazzjonijiet.