Iz-Zuntier Tal-Knisja Ta’ San Nikola Fis-Siġġiewi Se Jingħata Dehra Ġdida

 Iz-Zuntier Tal-Knisja Ta’ San Nikola Fis-Siġġiewi Se Jingħata Dehra Ġdida

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar il-lokalità tas-Siġġiewi fejn ħabbar li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jwettaq xogħlijiet għar-riġenerazzjoni taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola, b’investiment li mistenni jiġi jiswa madwar €1 miljun.

“Bħala gvern ninsabu inpenjati sabiex ġurnata wara l-oħra naraw li n-nies igawdu minn benefiċċji fuq diversi livelli kif ukoll naraw li tingħata l-infrastruttura meħtieġa u li tixraq. L-infrastruttura mhijiex biss it-toroq iżda anka spazji bħalma huma z-zuntieri u l-pjazez li huma postijiet fejn il-komunitajiet jinġabru ta’ kuljum u allura huma r-ruħ ta’ kull belt jew raħal”, qal il-Ministru Borg filwaqt li fakkar li fir-rigward ta’ zuntieri, twettqu bosta interventi oħra f’pajjiżna, bħar-Rabat, iż-Żejtun u anke l-Imqabba.

Fis-Siġġiewi ser jinqala l-madum tas-siment eżistenti, jitneħħa l-materjal ta’ taħt il-madum, titqiegħed ukoll sodda tal-konkos, bil-bini ta’ pedamenti tal-konkos u tal-ġebel tal-franka taħt it-turġien, it-tqegħid ta’ pavimentar ġdid tal-qawwi u t-tqegħid ta’ turġien ġodda tal-qawwi.

Apparti hekk mistennija jinżammu l-istess livelli u konfigurazzjoni taz-zuntier preżenti. Ix-xogħol mistenni jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena u jintemm fl-ewwel parti tal-2023.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com