Jekk Tixtri Online Attent! Kull Pakkett Li Jasal Minn Barra L-UE Irid Jibda Jitħallas Il-VAT Fuqu
Jekk tixtri ħafna affarijiet minn barra minn Malta online, issa attent, għax mill-1 ta’ Lulju l-pakketti li jaslu minn barra l-UE se jibdew iħallsu l-VAT ikun xi jkun il-valur tagħhom.
Dan qed isir wara li l-Kummissjoni Ewropea neħħiet l-eżenzjoni mill-VAT fuq il-pakketti li jkollhom valur ta’ inqas minn €22.
Biex tiffaċilita l-ipproċessar il-Kummissjoni Ewropea introduċiet sistema li permezz tagħha minn jixtri minn barra l-UE minn Lulju li ġej ikun jista’ jħallas il-VAT mal-ħlas għal prodotti li jiswew sa €150 u f’dak il-każ l-oġġett jasal għand il-klijent mingħajr ħlasijiet oħra.
Jekk il-klijenti jibdew iħallsu l-VAT max-xiri jkunu qegħdin jevitaw li jeħlu t-tariffi tal-ipproċessar li jvarjaw bejn l-€1.50 u l-€20.
Il-VAT se jkun qiegħed jinġabar ukoll mill-kumpaniji li jqassmu l-pakketti li jaf ikollhom tariffi differenti għall-ipproċessar tal-oġġetti postali li jinxtaw minn barra l-UE.