Jiġi Inawgurat Il-Proġett Tar-Riġenerazzjoni Tal-Pjazza Tal-Imqabba
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura l-proġett ta’ riġenerazzjoni li sar fil-pjazza tal-Imqabba, b’investiment ta’ aktar minn €4 miljun u b’xogħol li sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Il-Ministru Ian Borg tkellem kif dan il-proġett kellu objettivi infrastrutturali, soċjali u ambjentali. Spjega kif b’dan il-proġett ir-raħal pittoresk tal-Imqabba għandu pjazza ferm isbaħ kif tassew jixraqlu, filwaqt li r-residenti ser jesperjenzaw titjib sinifikanti fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Il-Ministru Borg spjega kif saru ukoll interventi sabiex jittaffu l-problemi tal-għargħar. Il-Ministru stqarr li “Nemmnu ħafna fl-importanza ta’ spazji bħal dawn għaliex huma l-postijiet ewlenin fejn il-komunità tista’ tiltaqa’ ta’ kuljum. Dan l-investiment ikompli juri l-impenn ta’ dan il-gvern sabiex ikompli jinvesti fil-livell tal-għajxien tal-komunitajiet tagħna, filwaqt li jkompli jgħolli l-livell tal-infrastruttura ta’ pajjiżna fuq kull livell.”
Is-Sindku tal-Imqabba, Omar Farrugia qal li “Jum bħal dan jimmarka tarġa oħra fl-istorja li ssawwar dan ir-raħal tant għal qalbna. Bi kburija ngħid u nirrikonoxxi li dan il-proġett u dan l-investiment mingħajr ebda preċedent, li sar matul dawn is-sena u nofs, qed jagħti lill-Imqabba ruħ u dehra ġdida.”
Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni kien imqassam fi tliet fażijiet.
Fl-ewwel fażi tal-proġett, tnaddaf u ssewwa ġibjun antik li hemm fil-Pjazza tal-Imqabba u nbeda x-xogħol fuq sistema ta’ tgħaffija tal-għargħar, li l-ħsieb tagħha kien li l-ilma li kien jiġi mit-toroq biswit u fil-pjazza jkun jista’ jinġabar f’sistema ta’ spralli u katusi kbar li jiġbru l-ilma tax-xita li jaqa’ fl-inħawi.
Fit-tieni fażi tal-proġett, sar il-bini ta’ ġibjun ieħor kbir bil-ħsieb li parti mill-ilma li jinġabar f’dan il-ġibjun ikun disponibbli għall-bdiewa tal-inħawi biex isaqqu l-uċuħ tar-raba’ tagħhom.
Fit-tielet u l-aħħar fażi, sar it-tisbiħ tal-Pjazza Parrokjali tal-Imqabba, kif ukoll inħoloq disinn ta’ pavimentar attraenti li sebbaħ id-dehra ta’ din il-pjazza. Inbidlu wkoll il-fanali tad-dawl dekorattivi u ġiet installata għamara tat-triq ġdida. Sar ukoll restawr tal-ħadid taz-zuntier u restawr tal-istatwi tal-ġebel li hemm fiz-zuntier tal-Knisja Parrokjali.