Jitnieda Proċess Ta’ Konsultazzjoni Tal-Viżjoni Ekonomika Ta’ Malta 2021-2031
Illum tnieda proċess ta’ konsultazzjoni tal-Viżjoni Ekonomika ta’ Malta 2021-2031 mill-Gvern ta’ Malta. Din il-vizjoni tiffoka fuq l-innovazzjoni u l-kreattività; l-użu tal-mezzi diġitali għall-produttività u l-kompetittività; il-konverżjoni tal-edukazzjoni mal-iżvilupp tal-ħiliet mal-impjiegi settorjali; il-kunsiderazzjonijiet ta’ kwistjonijiet ambjentali u t-tisħiħ kontinwu tal-ambitu regolatorju tan-negozju.
Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri niedew din il-konsultazzjoni nazzjonali waqt laqgħa li fiha saru numru ta’ diskussjonijiet ma’ stakeholders lokali.
Bit-titlu, ‘A Future-Proof Malta – a nation of courage, compassion and achievement’, id-dokument għall-konsultazzjoni huwa bbażat fuq ħames pilastri ewlenin:
• It-Tkabbir ekonomiku sostenibbli għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja;
• Infrastruttura u investiment ta’ kwalità għolja;
• Edukazzjoni u l-impjiegi;
• Ambjent; u
• Standards għoljin ta’ kontabilità, governanza u s-saltna tad-dritt.
Kull pilastru jippreżenta missjoni li l-iskop tagħha huwa li jitfasslu l-prijoritajiet għad-deċennju li ġej u li jwasslu għal ‘A Future-Proof Malta’.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li, “Illum, qed inwittu t-triq għad-deċennju li jmiss, fejn pajjiżna se jsir ċentru ta’ eċċellenza, denju li huwa l-aqwa fl-Ewropa u fid-dinja. Jekk qabel ridna nilħqu l-medja, issa rridu nilħqu l-quċċata”. Fakkar kif pajjiżna bena politika ekonomika sostenibbli u robusta tul is-snin u permezz ta’ hekk il-Gvern seta’ jirdoppja l-ispiża fuq is-saħħa u l-edukazzjoni u jkun ta’ spalla għan-negozji. Dan filwaqt li ħares l-interessi ta’ kulħadd u adotta viżjoni ħolistika li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura.
Il-Prim Ministru stqarr li sabiex nżommu l-livell li laħqet l-ekonomija ta’ pajjiżna u saħansitra ntejbuha jeħtieġ forza ikbar biex nagħmlu l-qabża li jmiss. Biex nagħmlu dan jeħtieġ li nittrasformaw is-sistema edukattiva b’mod qawwi biex l-edukazzjoni ma tibqax biss fażi definita imma proċess kontinwu. Ma’ dan, hemm ukoll l-infrastruttura, “Kien għalhekk li fl-eqqel ta’ pandemija ħabbarna l-ikbar pjan ta’ infrastuttura industrijali qatt maħsub għal pajjiżna,” kompla l-Prim Ministru. Fakkar li jikkumplimentaw dawn iż-żewġ pilastri hemm il-governanza, il-kontabilità u s-saltna tad-dritt li rridu nibqgħu nħarsuhom u ninfurzawhom.
Semma’ wkoll li ma jistax ikollok ekonomija b’saħħitha jekk l-ambjent ma jkunx b’saħħtu, u ma jistax ikollok ambjent protett jekk l-ekonomija tkun dgħajfa. Għalhekk ddeskriva t-trasformazzjoni ambjentali bħala l-aqwa opportunità ekonomika li għandha din il-ġenerazzjoni. Il-Prim Ministru saħaq li “Biex nibnu soċjetà carbon-neutral, għandna quddiemna snin twal ta’ investiment li joħolqu opportunitajiet kbar għal negozji eżistenti u oħrajn prospettivi”.
Il-Prim Ministru appella għall-għaqda wara din il-viżjoni biex flimkien insaħħu din il-viżjoni u nibnu prosperità ġdida.
Il-Ministru Silvio Schembri saħaq li, barra l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin, din il-viżjoni għandha wkoll l-għan li trawwem mentalità ġdida fejn jidħol it-tfassil tal-politika, tpoġġi l-innovazzjoni u l-kisbiet tanġibbli fiċ-ċentru tat-tkabbir ekonomiku li kapaċi jindirizzaw l-isfidi emerġenti, filwaqt li tidentifika s-soluzzjonijiet għalihom. Spjega kif dan se jsir permezz ta’ konsultazzjoni u kollaborazzjoni sħiħa bejn il-ministeri kollha tal-gvern. Il-proċess ta’ diskussjoni se jkun ukoll miftuħ għas-soċjetà kollha, kif ukoll l-industrija u n-negozji, dan sabiex jinqasmu ideat dwar id-direzzjoni li għandha tittieħed biex finalment jinstab bilanċ bejn il-prosperità ekonomika u l-ħarsien tal-ambjent.
Il-Ministru Schembri wera għal darb’oħra l-impenn tal-gvern li jibni ekonomija li tħares il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, ugwaljanza fl-opportunitajiet u benefiċċji li jaraw l-interess tal-ħafna u mhux tal-ftit. Qal kif dan l-eżerċizzju se jrawwem din il-gżira f’nazzjon tal-futur u se jassigura ekonomija ta’ ġid għal kulħadd. Fost dawk li se jibbenefikaw minn dan l-eżerċizzju, il-Ministru semma:
• Studenti li se jgawdu minn impjiegi ta’ kwalità aħjar u bi ħlas tajjeb;
• Intraprendituri / mexxejja tan-negozju li b’niċeċ ekonomiċi innovattivi u kompetittivi ġodda se jkunu jistgħu joperaw f’ambjent aktar b’saħħtu u dinamiku;
• Pensjonanti li se jgawdu mis-sostenn u titjib tal-impenn tagħna għall-ġenerazzjonijiet anzjani permezz ta’ aktar ħolqien ta’ tkabbir ekonomiku; u
• Familji ħaddiema li se jibbenifikaw billi ntejbu l-kwalità tal-ħajja permezz tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja f’ambjent naturali b’saħħtu.
Il-proċess ta’ konsultazzojni qed jitmexxa mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija permezz tal-MIMCOL, u wieħed jista’ jsib id-dokument tal-konsultazzjoni minn fuq is-sit https://mimcol.com.mt/wp-content/uploads/2021/06/A-Future-Proof-Malta-Consultation-Document.pdf.
Din il-konsultazzjoni tagħlaq fil-31 ta’ Lulju 2021.