Jiżdied In-Numru Ta’ Tfal Li Jkunu Mġiegħla Jaħdmu
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, f’Artikolu 32 tipprojbixxi l-impjieg ta’ tfal. Telenka li l-età minima sabiex wieħed jidħol fid-dinja tax-xogħol ma tistax tkun inqas mill-età li fiha wieħed ma jibqax obbligat li jkompli bl-edukazzjoni akkademika tiegħu.
Barra minn hekk, żgħażagħ li jidħlu fid-dinja tax-xogħol wara li jgħalqu l-età permessibli, għandhom igawdu minn kundizzjonijiet ta’ xogħol li jkunu relevanti għall-età tagħhom u jkunu protetti kontra sfruttament ekonomiku, xogħol li jista’ jipperikola s-sigurtà, is-saħħa jew l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali jew soċjali tagħhom, kif ukoll xogħol li jista’ jikkomprometti l-edukazzjoni tagħhom.
Iżda r-realtajiet umani madwar id-dinja għandhom inkwetanti, hekk kif skont rapport ġdid tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u UNICEF, in-numru ta’ tfal madwar id-dinja li qegħdin jaħdmu tela’ għal 160 miljun, b’żieda ta’ 8.4 miljun fl-aħħar 4 snin. Jintqal ukoll li hemm ħafna iktar miljuni ta’ tfal f’riskju li jispiċċaw hekk ukoll minħabba l-konsegwenzi koroh li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19.
Ir-rapport juri żieda sinifikanti ta’ numru ta’ tfal bejn 5 u 11-il sena li qegħdin ikunu mġiegħla jaħdmu. Infatti dawn l-etajiet jammontaw għal iktar minn nofs tat-total globali. Numru ta’ tfal bejn 5 u 17-il sena li jaħdmu f’postijiet perikolużi għall-ħajjithom, għas-sigurtà tagħhom jew għal moralità tagħhom żdiedu b’6.5 miljun, għal total ta’ 79 miljun, mill-2016.
Bla dubju dawn in-numri huma xokkanti. Id-Direttur Ġenerali tal-ILO, Guy Ryder jisħaq li jistax ma jsir xejn meta ġenerazzjoni ġdida ta’ tfal qegħda titpoġġa f’dan ir-riskju.
Madwar id-dinja llum jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji Kontra t-Tħaddim tat-Tfal, liema ġurnata din is-sena ġġib it-tema ta’ ‘Act Now, End Child Labour’, bl-għan li naraw l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal.
Ritratt: Gsdmagazine