Kampanja Kontra T-Tniġġis Tal-Baħar
Il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, għat-tielet sena konsekuttiva nieda l-kampanja Saving Our Blue, li mill-bidu kellha l-għan li tintensifika l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar u l-ambjent, b’mod partikolari t-tniġġis tal-plastik li jintuża darba biss.
Waqt it-tnedija ta’ din il-kampanja, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia tkellem kif “Matul iż-żminijiet ta’ sfida tal-pandemija COVID-19, rajna ħafna jadottaw mod ta’ ħajja aħjar biex jippreservaw l-ambjent ta’ madwarhom. Rajna kif ħafna bdew jippruvaw jadottaw mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli. Però jibqa’ l-fatt li l-plastik idum snin twal biex idub u allura l-effetti tad-drawwiet tagħna għadhom qed jagħmlu ħsara lill-ambjent u dan huwa ppruvat permezz tal-ammont ta’ skart tal-baħar fuq il-bajjiet u fil-baħar taghna”.
Din is-sena, il-kampanja Saving Our Blue ser tkun qiegħda tiffoka l-iktar fuq il-ħsara li jagħmlu il-micro-plastics u l-importanza tal-ħarsien taż-żoni protetti tal-baħar.
Il-Ministru Farrugia semma’ leġiżlazzjoni importanti dwar il-projbizzjoni tal-importazzjoni tal-plastik li jintuża darba biss, li ġiet fis-seħħ minn Jannar tas-sena 2021, waqt li f’Jannar tas-sena 2022 din se tkun segwita bil-projbizzjoni tal-bejgħ u d-distribuzzjoni ta’ dan it-tip ta’ plastik fis-suq lokali u spjega kif dan kollu huwa pass importanti fit-tnaqqis ta’ dan il-plastik u fl-iżvilupp ta’ prodotti alternattivi b’materjali sostenibbli.
Il-Ministru stqarr li “Ser inkunu qed naħdmu mas-setturi kummerċjali u dawk tan-negozju, sabiex nippromwovu l-iżvilupp ta’ miżuri ambjentali iktar sostenibbli, u li partikolarment jgħinu sabiex jonqos l-iskart li jispiċċa fil-baħar.”
Din il-kampanja ser tkun qed twassal għal tindif f’numru ikbar ta’ bajjiet lokali, fosthom anke tindif speċifikament iffukat fuq il-ġbir tal-macro-plastics u micro-plastics.
Il-Ministru Farrugia jappella sabiex “flimkien nagħmlu l-isforz neċessarju billi nirrikorru għal għażliet iktar konxji fil-ħajja ta’ kuljum fejn jidħol l-użu tal-plastik. Apparti l-prevenzjoni tal-użu tal-plastik, huwa importanti li tittieħed ukoll azzjoni”.